Monday, November 11, 2024

Ġurnalisti ta’ One jaċċettaw apoloġija, iżda Bernard Grech għandu jġorr ir-responsabbiltà

Aqra wkoll

Ġurnalist u cameraperson ta’ One aċċettaw l-apoloġija ta’ persuna li nhar il-Ħamis waqt il-protesta tal-Partit Nazzjonalita beżqilhom, għajjarhom u anke heddidhom.

L-aġir ostili seħħ ukoll minn membri oħrajn tal-folla li kien hemm għal protesta.
L-apoloġija saret permezz ta’ komunikazzjoni li l-persuna bagħtet lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), liema komunikazzjoni ġiet mgħoddija lil ONE.

Kienet il-kumpanija One Production Ltd li qalet li fid-dawl tal-fatt li din l-apoloġija ġiet aċċettata, iż-żewġ vittmi ma fetħux kwerela mal-Pulizija.

Il-kumpanija qalet li, filwaqt li dak li seħħ il-Ħamis hu aġir inaċċettabbli u ta’ min jikkundannah, din id-deċiżjoni ttieħdet ukoll fid-dawl tal-fatt li l-folla kienet imħeġġa tkun ostili u mhux paċifika mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, innifsu. Dan seħħ bl-aġir tiegħu fil-Parlament u barra minnu, tant li x’ħin ħareġ u ra li mhux aggressivi biżżejjed beda jinċitahom u jgħidilhom, “Qumu minn hemm”.

Għalhekk, għandu jkun hu li jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-aġir u mhux min, anke jekk ħażin ħafna, waqa’ vittma għall-eżempju ħażin tiegħu.

L-istqarrija qalet li, quddiem il-provokazzjoni tal-Oppożizzjoni, wieħed jibqa’ jappella għall-kalma u s-serenità. Kif qal il-Prim Ministru, Robert Abela, dalgħodu, dan huwa pajjiż sabiħ li miexi ’l quddiem għax għandu poplu magħqud li jaħdem flimkien. Filwaqt li nistgħu ma naqblux, dan għandu jsir b’rispett.

Sport