Friday, April 26, 2024

Inawgurat padiljun tal-handball b’investiment ta’ €2.5 miljun

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €2.5 miljun, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima inawgura padiljun tal-handball, iddedikat għal Louis Borg, eks President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball, li huwa parti mill-faċilitajiet sportivi fil-Kumpless Sportiv Maria Assunta fil-Ħamrun.

“L-inawgurazzjoni tal-lum hija t-tkomplija tal-ħidma tagħna li qed tara investiment qawwi fil-faċilitajiet sportivi madwar pajjiżna”, qal il-Ministru Grima. “Din hija ħidma li tirrifletti dak li wegħdna bħala gvern, li nkomplu ninvestu f’faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd u qrib tiegħek kemm jista’ jkun. Il-viżjoni tagħna għal dan il-qasam jolqtu lil kull min b’xi mod jew ieħor jipprattika xi attività fiżika, minn persuni li jagħmlu taħriġ bażiku għal atleti professjonali li l-isport huwa l-passjoni u l-karriera tagħhom”, qal il-Ministru Grima.

Il-padiljun tal-handball huwa parti minn investiment akbar li sar fis-snin riċenti f’dan il-kumpless, li jinkludi wkoll l-ewwel akkademja tas-snooker f’Malta b’investiment ta’ €700,000, proġett sportiv għall-Kumpless ta’ Maria Assunta li sa issa diġà għandu ground tal-football u huwa ppjanat li jkun hemm ukoll padiljun għal sport varji, sala għat-table football, u sala oħra għall-boċċi.

Bil-proġett tal-padiljun tal-handball għall-ewwel darba f’Malta sar bini ta’ sala speċifikament biex tintlagħab din id-dixxiplina sportiva. Is-sala takkomoda 155 spettatur u se tkun użata primarjment għat-taħriġ tal-handball, minn adulti sa tfal taħt it-8 snin, kif ukoll mill-programmi ta’ SportMalta u mill-iskejjel.

Is-sala saret fuq speċifikazzjonijiet tal-International Handball Federation, hija mgħammra b’dawl li joffri uniformità u jnaqqas id-dellijiet biex titjieb is-sigurtà waqt l-użu, kif ukoll blinds elettriċi li jagħmluha faċli li jintuża d-dawl naturali. L-istruttura tal-ħadid hija miksija b’materjal li jipprovdi l-aħjar insulazzjoni, twieqi li jinfetħu b’mekkaniżmu elettroniku u extractors biex jgħinu fil-kontroll tal-arja u t-temperatura.

Fil-pjan imressaq ’il quddiem, il-gvern qed jimmira li pajjiżna jkollu faċilitajiet sportivi ta’ standards internazzjonali li jservu ta’ sisien għall-industrija tal-isport li tattira wkoll investiment lejn pajjiżna. Din hija ħidma kollettiva biex l-isport jogħla għal-livell li jmiss.

Sport