Saturday, May 4, 2024

Ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga

Il-Ministru jisħaq li kulħadd għandu jinżamm kontabbli ta’ għemilu imma b’mod proporzjonat

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar konsultazzjoni pubblika dwar numru ta’ emendi leġiżlattivi relatati mal-Qorti tad-Droga, 10 snin wara l-introduzzjoni tal-istess riforma. L-emendi leġiżlattivi jitrattaw l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija), Kap 537 tal-Liġijiet ta’ Malta, u għandhom l-għan li joħolqu bilanċ ġust u effettiv bejn l-interess tal-ksib tal-ġustizzja u r-rijabilitazzjoni ta’ persuni li nqabdu bid-droga.

Il-Ministru Attard beda biex jgħid li “huwa fl-interess ta’ kull persuna fis-soċjetà li ngħixu fiha li ma nsabbtux il-bieb f’wiċċ dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw vittmi tad-droga. Iżda nemmnu li dawn il-vittmi għandhom isibu spalla għal ħajja aħjar.”

Il-Ministru Attard żied jgħid li din ir-riforma hija kullana ta’ inizjattivi kuraġġużi li qed jieħu dan il-Gvern biex ikompli jsaħħaħ lil pajjiżna. “Flimkien ser inkomplu l-mixja lejn ġustizzja effettiva u ġustizzja effiċjenti, fejn kulħadd jinżamm kontabbli ta’ għemilu imma b’mod proporzjonat, biex verament inkomplu nibnu soċjetà aktar ġusta,” tenna l-Ministru Attard.

Il-Ministru enfasizza li fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma hemm il-vittmi tad-droga u mhux it-traffikanti tad-droga, fejn il-pieni baqgħu l-istess biex jibqgħu jservu ta’ deterrent. Huwa saħaq li bħala Gvern jifhem l-importanza tal-ġlieda kontra dawn il-persuni li jabbużaw mill-vulnerabilità ta’ ħaddieħor biex jagħmlu gwadann personali b’mod partikolari finanzjarju, u dan l-abbozz ta’ liġi, li qed ikun imressaq għall-konsultazzjoni pubblika, ma jnaqqas xejn minn dan il-fatt.

Iċ-Chairperson tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi Dr Alex Scerri Herrera spjega fid-dettal il-proposti ewlenin tar-riforma li ser tkun qed tindirizza diversi binarji differenti, inkluż l-effiċjenza u l-konformità tal-proċeduri, aktar tisħiħ tal-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga u emenda li titratta l-ġurijiet li jitrattaw kawżi relatati mad-droga.

Il-proposti ewlenin iħarsu lejn:

  • It-twessiegħ tal-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga u d-dmir illi d-deċiżjonijiet tal-istess bord jkunu sostanzjati bl-għoti ta’ raġunijiet.
  • Kjarifika tal-ħtiġijiet sabiex il-Qorti tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga, inkluż eżerċizzju ta’ Diskrezzjoni tal-Qorti sabiex tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-Droga.
  • Riforma fil-proċedura tal-komunika tad-Deċiżjoni tal-Bord lill-Qrati Oħra.
  • Proċess aktar ġust għal dawk li jkunu skontaw sentenza f’każijiet passati ta’ pussess sempliċi fil-Faċilità Korrettiva.
  • Żieda fl-ammonti indikattivi msemmija fil-Linji Gwida li jinsabu fl-iskedi tal-Kapitoli 31 u  101 tal-Ligijiet ta’ Malta.
  • Il-possibilità ta’ Proċess fil-Qorti Kriminali Mingħajr Ġurati għall-kawżi relatati mad-droga.

Il-Ministru Attard ħabbar li din r-riforma qed titqiegħed għall-konsultazzjoni aktar wiesgħa tas-soċjetà u taċ-ċittadini, u dan biex jitkompla l-eżerċizzju demokratiku ta’ konsultazzjoni fuq qasam tant importanti. Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sal-Ġimgħa 9 ta’ Frar 2024 u kulħadd jista’ jissottometti l-proposti tiegħu.

Sport