Monday, May 20, 2024

Jitħabbar il-manuskritt rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ u titnieda l-edizzjoni tal-2024

Aqra wkoll

Il-manuskritt rebbieħ tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ 2023 huwa ‘Bejn il-Kmiem’, li kien sottomess minn Leanne Ellul. Il-konkors jittella’ b’ħidma bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u Aġenzija Żgħażagħ.

Dan tħabbar waqt ċerimonja li kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Filwaqt li feraħ kemm lir-rebbieħa u wkoll lil dawk li pparteċipaw, il-Ministru Clifton Grima qal li dan il-konkors huwa pjattaforma oħra li permezz tiegħu qed issir ħidma għat-tkattir tas-settur letterarju ta’ pajjiżna. “Il-lingwa ta’ pajjiżna hija rikka u rridu nkomplu nressqu ’l quddiem aktar inizjattivi li permezz tagħhom insaħħu l-ilsien Malti. Il-ħidma tagħna trid tkompli tara li l-Maltin, mill-kbir saż-żgħir, jagħrfu japprezzaw iktar is-sbuħija tal-ilsien Malti li huwa l-akbar mezz ta’ identità ta’ poplu,” qal il-Ministru Grima. Huwa semma wkoll ix-xogħol li qed isir fl-iskejjel għall-ġid tat-tisħiħ tal-lingwa Maltija u għat-tisħiħ tal-identità Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li programmi bħal dawn jagħtu lok għal aktar interess fil-kultura u l-identità tagħna, f’dan il-każ permezz tal-lingwa Maltija. “Huwa ferm importanti li nħaddnu u napprezzaw dak li jagħmilna Maltin. Il-lingwa tagħna hija wirt kulturali li rridu nippreservaw, anki permezz tal-letteratura,” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti. “Iż-żgħażagħ għandhom id-dmir li jiżguraw li dan iseħħ. Grazzi għal Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qegħdin inżidu d-disponibbiltà ta’ kitba Maltija għaż-żgħażagħ u nagħtu l-opportunità għal aktar awturi lokali li jiktbu u jippubblikaw il-kitba tagħhom,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Dwar is-sottomissjoni rebbieħa, l-aġġudikanti rrimarkaw li fil-manuskritt hemm ħafna ħsieb wara n-nisġa tar-rumanz, bil-kittieba turi li għandha ħakma tajba ħafna tal-Malti. Ir-rumanz jittratta temi kurrenti b’mod kważi poetiku u frisk għall-aħħar li jagħti sens ta’ kompletezza u memorabbiltà. Huma kkummentaw ukoll dwar l-oriġinalità fl-istil u l-esperimentazzjoni, id-deskrizzjonijiet relatabbli, it-temi msemmija li ż-żgħażagħ jesperjenzaw, u l-kapaċità tat-test li jqanqal kurżità, emozzjoni u riflessjoni fil-qarrej, fost oħrajn.

Leanne Ellul ingħatat trofew, ċertifikat u premju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju ta’ €2,000 biex jintużaw fil-pubblikazzjoni tar-rumanz ma’ dar tal-pubblikazzjoni tal-għażla tagħha, wara li tiffirma l-kuntratt tal-pubblikazzjoni. 

L-organizzaturi tal-konkors irringrazzjaw lill-membri tal-ġurija, Audrey Friggieri, David Aloisio u Roberta Bajada, li għażlu l-manuskritt rebbieħ minn fost sottomissjonijiet li ġew evalwati skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa, u l-kwalità.

Waqt iċ-ċerimonja l-KNK u Aġenzija Żgħażagħ ġeddew uffiċjalment il-kollaborazzjoni tagħhom u nedew l-edizzjoni tal-Konkors għas-sena 2024, li se tilqa’ s-sottomissjonijiet bejn it-23 ta’ Jannar u t-30 ta’ Awwissu 2024 f’nofsinhar. L-applikazzjoni, il-kriterji u l-linji gwida se jkunu aċċessibbli mis-sit tal-KNK u ta’ Aġenzija Żgħażagħ fid-data tal-ftuħ għas-sottomissjonijiet.

Sport