Tuesday, February 18, 2025

ĠUSTIZZJA FIL-PALESTINA

Aqra wkoll

(Minn dramm li mhux se jinkiteb.)

Jidħol NETANJAĦU, PM Iżraeljan u KONSULENTI fdati. Għadu kemm wasal minn Washington.

NETANJAĦU-Ninsabu protetti minn kull sorvelja?

KONSULENT(1)-Assolutament. F’dal-bunker, l-anqas is-CIA m’għandha tarf kif tissemmagħlna.

NETANJAĦU-Irrid ngħidilkom fejn ninsabu tassew wara din l-aħħar żjara tiegħi f’Washington. Dwar Trump.

KONSULENT(2)-Iva, Prim. Se jagħtina kollox fuq platt.Kemm mort tajjeb miegħu!

NETANJAĦU-Miġnun perfett, kif dejjem fhimt. Imma l-aħħar ġennata tiegħu taqdina sew. Jeħtieġ inkomplu fuqha. Minn tmenin fil-mija tal-binjiet meqruda f’Gaza, ejja neqirdu sal-ħamsa u disgħin fil-mija. Malajr kemm jista’ jkun.

KONSULENT(3)-Imma għaliex din l-għaġla?

NETANJAĦU-Qabel dak il-miġnun jibdel fehmtu.

KONSULENTI (1), (2), (3)- Mhux se jibdilha!

NETANJAĦU-E le? U jekk il-Qatari jew is-Sawdi joffrulu biex jibni Riviera grandjuża fil-Golf Għarbi, u jħallsu kollox huma? Qabel jibdel ħsiebu, l-bombi kollha li jibgħatulna minn Washington inferrgħuhom fuq il-Gaza.

KUMMISSJONI KONTRA L-KORRUZZJONI

Hijiex ħaġa stramba kif fid-diskors li qed isir dwar inkjesti maġisterjali (u l-bqija) biex jiġu żvelati prattiċi amministrattivi u politiċi żgarrati, kważi l-anqas darba ħadd ma semma l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni? Issa bħala istituzzjoni, din suppost tinsab fl-ewwel linja tal-ħidma kontra l-abbużi fl-eżerċizzju tal-poter statali.

Dan-nuqqas hu konferma oħra li l-Kummissjoni mhijiex għodda effettiva. Dejjem hekk kien, mill-bidu nett tagħha. Xorta amministrazzjonijiet suċċessivi taż-żewġ partiti baqgħu jqisuha istituzzjoni li trid tinżamm ħajja. Min jaf għaliex?!

DUN VICTOR

L-ewwel laqgħa li kelli miegħu ġrat fis-sena 1966. Kien Rettur tas-Seminarju u membru tal-Kunsill tal-Università. Kont ma’ grupp ta’ studenti li pprovajna nwaqqfu għaqda universitarja biex tippromwovi d-diskors ħieles. Kellna bżonn il-konferma tal-Kunsill biex l-għaqda titwaqqaf u tingħata fondi. Bħala parti minn ħidma biex inġibu dil-konferma, mort inkellmu. Spjegajtlu x’ridna nagħmlu. Semagħni b’attenzjoni u kortesija. Wegħedni l-appoġġ. Naturalment ma baqax jiftakar din il-laqgħa. Jien iva.

Snin wara, ltqajna kemm-il darba fil-jiem ta’ gradwazzjoni taċ-ċentru tal-Caritas għal dawk li jkunu segwew il-programm li jgħinhom jirbħu l-vizzju tad-droga. Kien jolqtok il-ferħ tiegħu għas-suċċess miksub matul is-sena li tkun għaddiet. Kont naqbel mat-tolleranza żero tal-Caritas għad-droga, kull fejn titfaċċa.

Fis-sena 1998, iddiskutejt miegħu kif is-servizzi privati u statali ta’ kontra d-droga setgħu jaħdmu flimkien skond pjan wieħed nazzjonali. Is-servizz privat kien kollu tal-Knisja. Xtaqt li jkun parti b’mod eżekuttiv fit-tħejjija u t-twettiq tal-ħidma flimkien mas-servizz statali, imma bi qbil minn qabel li fil-ħidma kollha jinżamm orjentament sekulari, mhux konfessjonali. Qabel minnufih.

Dun Victor Grech jixraqlu kull ġieħ bħala protagonist qalbieni f’pajjiżna ta’ ħidma ffokata fuq urġenzi soċjali mwettqa skond valuri progressivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport