Saturday, December 21, 2024

Ġuvni immultat talli kien mat-tfajla wara li welldet

Aqra wkoll

Imħallef xejnet appell li għamlilha ġuvni ta’ 19-il sena wara li dan akkumpanja lit-tfajla minorenni sal-isptar wara li welldet meta ftit tax-xhur qabel maġistrat kienet ordnatlu ma jersaqx lejha minħabba każ pendenti bejniethom.

Fid-9 ta’ Ġunju li għadda Stefan Muscat kien tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fuq każ ieħor u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000 waqt li ntrabat li ma javviċinax jew jikkuntattja lit-tfajla u lil ommha.

Madankollu fl-24 ta’ Lulju t-tfajla daħlet l-Isptar Mater Dei biex twelled u peress li hija minorenni ommha iffirmat li kienet se tkun hi ħdejn bintha u mhux is-sieħeb tagħha jiġifieri Muscat.

Il-Pulizija rriżultalha li wara li welldet il-ġuvni akkumpanja lit-tfajla l-isptar fejn baqa’ hemmhekk għal jiem sħaħ għajr għall-ħin fejn ma setax jibqa’ fis-sala.

Kien għalhekk li tressaq fil-Qorti fejn ġie akkużat li fis-27 ta’ Lulju li għadda, u fil-jiem ta’ qabel, ġewwa l-Isptar Mater Dei kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Maġistrat Demicoli.

Huwa nstab ħati u minbarra li reġa’ ġie arrestat kien immultat €40 waqt li tilef l-€1,000 depożitu u l-€5,000 garanzija personali fuq l-ewwel każ.

Muscat appella fejn insista li b’dak li għamel ma riedx jisfida lill-Qorti imma ried biss ikun preżenti għat-twelid ta’ bintu waqt li t-tfajla qalet li riditu ħdejha u li t-tnejn li huma jridu jrabbu lit-tifla flimkien.

Wara li semgħet lilhom, lil ommha, pulizija u anke ‘social worker’ l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera irrimarkat li għalkemm iċ-ċirkostanzi tal-każ kienu eċċezzjonali u Muscat ried iqatta ħin mas-sieħba waqt it-twelid tat-tarbija kien jaf li kien hemm ordni ta’ protezzjoni li żżommu milli javviċina lill-minuri u lil ommha.

Kien għalhekk li ċaħdet l-appell tiegħu u għalhekk ikkonfermat il-multa u t-telf tad-depożitu u tal-garanzija personali.

Ekonomija

Sport