Sheldon Micallef ta’ 18-il sena tressaq il-Qorti b’arrest fejn ġie akkużat li ħarab mill-Caritas waqt li kien qiegħed isegwi programm kontra l-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li f’Marzu li għadda Micallef ġie kkundannat 20 xahar ħabs, iżda tħalla joħroġ mill-ħabs wara li wera x-xeqwa li jibda programm.
L-imputat qiegħed jiġi akkużat li ħarab mill-kustodja tal-uffiċjali tal-Caritas, li kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti kif ukoll li sar riċediv.
L-Ispettu James Mallia qal li hu kien informat mil-Uffiċjali tal-Caritas li Micallef kien ħarab mir-Residenza.
Wara li bdiet it-tfittxija, l-Avukat ta’ Micallef, Mario Mifsud kien ċempillu li l-imputat kien mar l-uffiċju tiegħu. L-Avukat qal lill-Ispettur li l-klijent tiegħu kien wera x-xewqa li jtemm ħajtu, iżda wara li l-istess avukat ikkalmah żammu għandu u ċempel mill-ewwel lill-Pulizija.
Fil-Qorti ġew murija filmati ta’ CCTV li fihom Micallef jidher jaħrab mill-Caritas.
L-imputat wieħed mhux ħati filwaqt li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, u għalhekk ġie ordnat li jinżamm arrestat fil-CORRS.