Sunday, December 22, 2024

“Gvern ekonomikament għaqli li minflok iżid l-ispiża, jistimola l-ekonomija”

L-ekonomista Kearon Bruno b'reazzjoni għall-budget

Aqra wkoll

L-ekonomista Kearon Bruno, permezz ta’ kitba fuq Facebook, qal li l-istorja għallmitna li fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika, Gvernijiet għandhom jwarrbu għalkollox kull ħsieb ta’ awsterità u minflok isegwu prattiċi Keynesian fejn il-Gvern jerfa’ l-piż hu u minflok iżid l-ispiża tiegħu jistimola l-ekonomija.

Sostna li biex tipprattika dan it-tip ta’ mudell ekonomiku, irid ikollok Gvern ekonomikament għaqli. Żied li dan huwa t-tielet budget fi żmien ta’ kriżi minħabba s-sentejn ta’ pandemija u issa bil-gwerra fl-Ukrajna.

“Ta’ min jinnota wkoll li l-insularità ta’ pajjiżna, tkompli tpoġġi quddiemna sfidi ferm akbar minn ta’ pajjiżi oħra u dan juri kemm wieħed irid ikun verament kommess li jindirizza l-element soċjali fil-kuntest ta’ dawn l-isfidi,” qal Bruno filwaqt li żied jgħid li ekonomisti minn pajjiżi oħra m’għandhomx l-istess benefiċċju li jaraw il-gvern tagħhom jaġixxi b’dan il-mod fi żminijiet tant diffiċli. 

Huwa nnota kif pajjiżi oħra meqjusa tant avvanzati minna, bħalissa qegħdin jesperjenzaw ‘strikes’ u protesti bla waqfien għaliex il-gvernijiet ma jaffordjawx jerfgħu l-ispiża waħedhom u bilfors kellhom jitfgħu piż fuq il-poplu.

Tenna li ta’ min nibdew napprezzaw aktar u ma niħdux l-affarijiet for granted. “L-isfidi ekonomiċi li poġġiet fuq id-dinja din il-gwerra huma kbar u bla preċedent u fl-istess ħin ma ninsewx li għadna ħerġin minn pandemija li waqqfet l-operat dinji b’mod ħesrem.” 

Ekonomija

Sport