Monday, March 23, 2026

“Gvern imexxi minni se jibqa’ jara li joffri stabbiltà lill-familji u n-negozji”

Aqra wkoll

– il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament

Minn Claudio Coleiro

“Dak jibqa’ jkun il-messaġġ ewlieni tiegħi. Il-proġett Ewropew ikun ta’ valur miżjud għan-nies meta din l-għaqda ta’ bejnietna tissarraf f’ġid u prosperità għall-popli tagħna. U għaldaqstant nemmen bi sħiħ li rridu nkunu ta’ sostenn għall-familji u n-negozji tagħna b’miżuri li jipproteġuhom mill-impatt tal-inflazzjoni, li joffri stabbiltà u li jilqgħu għax-xokkijiet esterni.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali fil-Parlament b’rabta mas-Summit tal-Kunsill Ewropew li sar il-Ħamis li għadda fi Brussell, fejn qal li l-aktar tema prinċipali ta’ dan is-summit kienet dik dwar miżuri li jridu jittieħdu fl-UE sabiex nilqgħu għall-isfida marbuta ma’ prezzijiet tal-enerġija għoljin li qed ikunu fattur ewlieni li se jkompli jxekkel il-kompetittività tal-blokk. 

Fuq din it-tema, qal il-Prim Ministru, flimkien bħala Unjoni rridu naraw li nieħdu azzjoni f’waqtha biex nikkontrollaw il-pressjoni tal-inflazzjoni fil-qasam tal-enerġija, fl-isfond ta’ dawn l-isfidi kollha li qed jippreżentalna l-kuntest ġeo-politiku sensittiv. “Ma nistgħux inkunu spettaturi u noqogħdu nistennew li ssir il-ħsara lill-ekonomiji tagħna biex nirreaġixxu,” qal Dr Abela. 

Kien hawn fejn qal li jispikka l-għaqal ta’ dan il-Gvern, fejn bħalissa għandek il-kumplament tal-UE titkellem fuq x’tista’ tagħmel biex tipproteġi lill-industrija minn dawk ix-xokkijiet, Malta hi l-unika pajjiż li sa mill-2022 ħadet il-passi meħtieġa permezz tal-introduzzjoni tas-sussidju fuq il-fjuwils u l-enerġija u llum nistgħu nkomplu nsostnu dan grazzi għall-ekonomija b’saħħitha li rnexxielna nżommu b’dan il-pass li ttieħed. 

Il-Prim Ministru qal ukoll li meta jkun qed jitkellem ma’ mexxejja oħra Ewropej u jgħidilhom kemm huwa l-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna bħalissa, ma jkunux iridu jemmnu. “Tant għandhom sitwazzjonijiet allarmanti, li ma jemmnux li fiċ-ċokon tiegħu, pajjiżna qed ikun l-unika pajjiż li kapaċi joffri stabbiltà tant importanti mhux biss għan-negozji, iżda wkoll għall-familji,” qal Dr Abela. “Jien dejjem kont ċar u se nibqa’ nkun ċar li Gvern imexxi minni se jibqa’ jara li joffri stabbiltà lill-familji u n-negozji.”

Huwa tenna jgħid li l-Kunsill iddiskuta b’mod prominenti l-impatti varji tal-gwerra fl-Iran u pajjiżna ngħaqad mal-kumplament tal-Kunsill biex isejjaħ għal de-eskalazzjoni, u djalogu, biex ma ssirx aktar ħsara irreparabbli. 

Il-Prim Ministru żied jgħid li f’dan il-Kunsill kellu wkoll l-opportunità li jaġġorna lill-kollegi tiegħu u lill-Kummissjoni fuq l-aħħar żviluppi marbuta mal-każ tal-vapur Russu sanzjonat Arctic Metagaz, li sal-lum għadu jinġarr mill-kurrenti fil-Mediterran qrib il-kosta Libjana.

Huwa rrefera wkoll għal-laqgħa informali ta’ koordinament dwar il-migrazzjoni li sar appuntament regolari qabel kull Summit Ewropew u anke fuq id-diskussjoni li saret dwar l-Ukrajna fil-laqgħa proprja tal-Kunsill Ewropew.

Imbagħad il-mexxejja Ewropej kellhom l-opportunitajiet li jilqgħu lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres għal skambju dwar l-iżviluppi ġeopolitiċi u l-irwol tal-multilateraliżmu. 

Dwar it-tema tal-kompetittività, il-Prim Ministru qal li wassal il-messaġġ li rridu nħarsu lejn il-konsolidazzjoni tas-Suq Waħdieni bi ħsieb li jkollna impatt pożittiv reali li jinħass miċ-ċittadini u n-negozji fl-Istati Membri kollha, jinsabu fejn jinsabu, inkluż dawk ta’ pajjiżi fil-periferija u li mhux konnessi bħal Malta. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport