Friday, January 16, 2026

Gvern Laburista determinat li jġib lura Forti San Salvatur

Id-defiċit se jinżel taħt it-3% ferm qabel iż-żmien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea

Aqra wkoll

“Nemmen li wasal il-mument li nagħtu sinjal ieħor b’saħħtu fin-Nofsinhar ta’ Malta. Fil-Birgu. Il-Forti San Salvatur. Wirt storiku, uniku, li llum jinsab fi stat mitluq u dilapitat. Smajt l-għajta tagħkom u se nwieġbu għaliha. Wirt storiku li nemmen li għandu jittieħed lura mingħand il-privat u jingħata restawrat lura lill-familji sabiex ikunu jistgħu jgawduh.”


Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela meta kien qed jindirizza mass rally f’għeluq is-sitt snin tiegħu fit-tmexxija.
Quddiem folla kbira li nġabret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Prim Ministru rrifletta mhux biss fuq il-ħafna kisbiet li saru f’dawn l-aħħar sitt snin imma wkoll fuq il-viżjoni tiegħu għaż-żmien li ġej.


Huwa beda biex qal li “Flimkien ’il Quddiem” kienet l-għajta ta’ sitt snin ilu, meta dakinhar ngħata l-fiduċja tat-tmexxija għall-ewwel darba. Qal li huwa kien poġġa lilu nnifsu ’l quddiem u kien ġie quddiem il-poplu b’messaġġ ta’ għaqda.


“Minn dakinhar li fdajtu fija, tajt ħilti u saħħti kollha għalikom, għall-moviment tagħna, għal Malta tagħna li tant kburin biha. Miegħi f’kull pass li għamilna flimkien kelli tim formidabbli ta’ Ministri li jien kburi bihom. Tim li kapaċi jwettaq dak li f’pajjiżi oħra lanqas biss joħolmu li jista’ jsir,” qal il-Prim Ministru.


Huwa qal li għaddejna minn pandemija, żewġ gwerer u l-isfida tal-inflazzjoni fost oħrajn, iżda kull kriżi dinjija, kienet x’kienet, “għarafna mmexxu bil-kuraġġ u bil-għaqal. Qatt ma qtajt qalbi.”


Dr Abela qal ukoll li: “kontra s-suldati tal-azzar ma jirbaħ ħadd. Sirna l-akbar forza politika fl-istorja ta’ pajjiżna. Fl-2022, dan il-moviment kiseb l-akbar rebħa elettorali li qatt inkisbet minn partit politiku.”


Huwa tenna li din is-sena se nibdew nibnu l-pedament għal Malta tal-futur. Pedament li jrid ikun tal-azzar għax irid iservi fit-tul. Dan hekk kif se titnieda l-Viżjoni Malta 2050.


Il-Prim Ministru fakkar ukoll li dan il-Gvern irnexxielu jkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna bi tliet darbiet, f’medda qasira ta’ 13-il sena biss. “Miraklu ekonomiku. Dan ifisser aktar ġid fil-bwiet tan-nies.”


Il-Prim Ministru kompla jgħid: “aħna nitkellmu fuq investiment. Għalhekk irduppjajna ċ-children’s allowance. L-istess fit-tax cuts. Aktar ma nqassmu aktar qed nissaħħu għax meta tinvesti fil-poplu, dak l-investiment irendi.”


Min-naħa l-oħra, huwa nnota kif l-Oppożizzjoni baqgħet issabbat saqajha u tgħid li l-Gvern qed jonfoq iżżejjed. “Hemm moħħhom. Moħħhom biex jaqtgħulkom qalbkom,” qal il-Prim Ministru.


Hawn ħabbar li d-defiċit ta’ pajjiżna se jinżel taħt it-3% ferm qabel iż-żmien miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea. Dan filwaqt li fit-tielet kwart tal-2025 irreġistrajna l-akbar surplus fl-aħħar sitt snin. “Se nerġgħu niġu għal budget ieħor u nkomplu nqassmu u nqassmu.”


Dr Abela semma wkoll kif fis-sitt snin li għaddew, il-familji Maltin u Għawdxin żiedu 6 biljuni ewro depożiti mal-banek. Barra minn hekk, iddaħħlu benefiċċji ġodda bħall-carer’s grant, it-tieni COLA, ingħataw aktar għajnuniet lill-first time buyers fl-istess waqt li għandna l-inqas rata ta’ qgħad fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropa.


Semma l-White Rocks, Manoel Island, il-Forti Campbell u l-Forti Tigné li se jingħataw lura lill-familji għax l-ekonomija qed tippermettilna jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet kuraġġużi.


“Irnexxielna f’Ħondoq ir-Rummien u salvajnieh u hekk se nsalvaw dawn il-postijiet li għalija jridu jkunu il-mera tal-futur għal Malta isbaħ,” qal il-Prim Ministru.
 
“Se nwettqu r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir”


Fost proġetti oħra li rrefera għalihom il-Prim Ministru hemm it-trakka tal-karozza u qal li din qiegħda titwettaq. Żied jgħid: “Wegħedna korsa taż-żwiemel fil-Marsa u wettaqnieha. Investejna 120 miljun ewro fl-infrastruttura tal-isports.”


“Wegħedna u se nwettqu r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Ftit tal-ġimgħat oħra se nniedu l-masterplan ta’ kif fiż-żonqa tal-Menqa fil-Marsa u l-madwar inġibuh l-isbaħ żona ta’ Malta.


“Se nagħmlu proġett li dan il-pajjiż qatt ma ra tal-livell tiegħu. Hekk kif jitnieda l-pjan, imbagħad nibdew bl-implimentazzjoni tiegħu minnufih. Se nwettqu dan il-proġett flimkien mas-settur privat.”


Dr Abela tenna li dan huwa l-partit li se jibqa’ jsaħħaħ lill-familja fid-diversi forom tagħha. Hawn semma kif din is-sena ninsabu fuq l-għatba li jkollna l-1,000 tarbija mwielda bl-IVF mindu ddaħħlu l-bidliet.


“Bħala Gvern se nagħmlu minn kollox biex inkomplu nżidu d-dħul tal-familji. Fl-aħħar sitt snin, ħloqna 6,000 karriera fis-settur diġitali. Bil-Viżjoni Malta 2050, irridu noħolqu 60,000 impjieg f’dan il-qasam.


“Fejn ħaddieħor ħadilkom żona daqs is-Siġġiewi u taha għall-bini. Aħna se nibdew billi nagħtukom lura żoni daqs il-Belt Valletta.


“Fl-istess waqt dan il-poplu jrid jibqa’ jkollu serħan il-moħħ, li f’dawn il-mument ta’ maltemp internazzjonali, f’sitwazzjoni li qed tinbidel u qed teskala ma’ kull jum li jgħaddi, f’pajjiżna jkun hemm tmexxija t’esperjenza, stmata barra minn Malta u kompetenti kif tittratta ma’ dak li jolqot lil pajjiżna wkoll.


“Kruċjali nibqgħu moviment rebbieħ. Bħalma tlabtkom sitt snin iliu, issa għandi bżonn il-fiduċja tagħkom. Kburi ħafna bil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari b’saħħtu li għandi fit-tmexxija tal-pajjiż miegħi.


“F’din is-sitt sena, is-sena tal-azzar tal-għaqda tagħna, ejja ħalli nibqgħu rebbieħa. Ejja ħalli flimkien nibnu prosperità ġdida, flimkien ’il quddiem fadlilna ħafna aktar x’niksbu. Malta li tħares ’il quddiem, li rridu nagħmluha fost l-aqwa fid-dinja u se naslu. Malta ta’ kulħadd li fiha jirrenja l-progress u l-ġustizzja soċjali. Malta li fiha jibqa’ jkollna familji dejjem aktar b’saħħithom b’garanzija għall-futur ta’ kulħadd,” temm jgħid il-Prim Ministru.
 
 
 
 
 
 
 
 
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport