Saturday, December 21, 2024

Gvern Laburista ġdid impenjat li jsolvi aktar inġustizzji tal-imgħoddi

Aqra wkoll

Il-PM jirringrazzja lill-anzjani għall-kontribut tagħhom matul is-snin 

Waqt rally għall-anzjani organizzat fis-City Theatre fil-binja tal-General Workers’ Union, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-wegħda tiegħu li jkompli jindirizza l-inġustizzji tal-imgħoddi. Abela spjega kif f’dawn l-aħħar snin gvern Laburista ħallas mas-€66 miljun biex isewwi l-inġustizzji tal-imgħoddi. Tkellem dwar madwar 9,000 persuna jew il-werrieta tagħhom saret ġustizzja magħhom permezz ta’ dawn il-fondi. Fost dawn kien hemm eks ħaddiema tal-Korpi, tal-MEB, dawk tax-xatt u dawk il-Pulizija li taħt l-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013 ġew imċaħħdin mill-ħlas tax-xogħol overtime li wettqu.

Il-Prim Ministru qal li l-ħdima mhux se tieqaf u wiegħed li se jkomplu jiġu indirizzati aktar inġustizzji fosthom mal-ħaddiema tarznari li kienu ġew trasferiti bl-aktar mod inġust, eks ħaddiema tat-Telemalta, ħaddiema tal-PBS, kif ukoll xi gruppi li kienu jagħmlu parti mill-iskema tal-istudent ħaddiem.

Dwar il-kwistjoni tal-inġustizzji fl-armata u l-korpijiet wiegħed li jekk kemm-il darba jingħata l-fiduċja, din il-kwistjoni trid tkun riżolta fl-ewwel perjodu tal-leġiżlatura li jmiss.

“Nifhem li din il-kwistjoni twalet wisq, nifhem li l-amministrazzjoni tal-armata flimkien mal-GWU jinsabu impenjati b’negozjati dwar il-Ftehim Kollettiv ġdid u kellek pressjonijiet relatati mal-pandemija. Iżda qiegħed nagħti l-kelma tiegħi hawnhekk li din il-kwistjoni se tkun riżolta fl-ewwel perjodu tal-leġiżlatura”, saħaq Abela.

Il-Prim Ministru fakkar dwar kemm l-anzjani huma għal qalb gvern Laburista u li filwaqt li ħaddieħor użahom u xeħet il-piżijiet fuqhom fil-mument tal-għawġ, hu kompla jinvesti fihom b’żidiet kontinwi fil-pensjonijiet fost  bosta benefiċċji oħra. Huwa qal li jekk jingħata l-fiduċja fl-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu, il-pensjonijiet se jiżdiedu bi €15 fil-ġimgħa apparti ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u żieda oħra li tista’ tingħata permezz tal-mekkaniżmu addizjonali tal-COLA li għadu għadu qiegħed jiġi diskuss. Spjega kif din is-sena, gvern Laburista se jkun investa biljun ewro fil-pensjonijiet, filwaqt li gvern Nazzjonalista kien investa biss €400 miljun.

Rigward il-mediċini, Robert Abela qal li gvern Nazzjonalista ħalla lill-pensjonanti b’ħafna mediċini out of stock, filwaqt li gvern Laburista ħalla lill-pensjonanti mingħajr kontijiet tal-mediċini billi kompla jżid il-lista ta’ mediċini bla ħlas fil-formularju tal-gvern.

Fakkar li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien ċar meta qal li jekk il-prezzijiet jogħlew fuq livell internazzjonali, ikollhom jogħlew ukoll f’pajjiżna. Minn naħa l-oħra gvern Laburista ħadem biex fid-dawl tal-kriżi fl-Ukrajna, żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u qiegħed jaħdem għas-sigurtà tal-provvista taċ-ċereali u l-qmugħ “għax hekk jaħdem gvern serju kompetenti”. 

Il-Prim Ministru temm jgħid li gvern Laburista dejjem kien qrib in-nies u hekk se jkompli jagħmel.

“Is-sħubija fit-trejdunjin tnaqqas l-abbużi fuq il-ħaddiema” – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWUJosef Bugeja

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Joseph Bugeja stqarr li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol jistgħu jitjiebu bi sħubija fi trejdunjin. Huwa semma li jeżistu abbużi fejn m’hemmx trejdunjins. Sostna li mhux ġust li hawn employers li ma jħallux lill-ħaddiemha tagħhom jissieħbu f’union.

Is-Segretarju Ġenerali rrikonoxxa l-ħidma li twettqet mill-anzjani għall-ġenerazzjoni preżenti, u qal li din titfa’ responsabilità fuq il-GWU sabiex inħallu soċjetà aħjar milli tawna huma. Kompla jitkellem ukoll dwar it-tħaddin tal-prinċipju tal-inklużjoni f’dan il-pajjiż.

Bugeja ma naqasx li jitkellem dwar l-intervent kontinwu tal-Prim Ministru biex jinstabu s-soluzzjonijiet; b’mod speċjali l-inċentivi li ngħataw lill-ħaddiema fi żmien il-pandemija. Tkellem dwar xogħol u għajxien diċenti għal kulħadd u saħaq li dawn huma l-għanijiet li l-GWU nħolqot għalihom. Għamel ukoll aċċenn għall-konferenza li saret ilbieraħ mal-GWU fejn tkellmu dwar kif l-anzjani jistgħu jibqgħu attivi ħalli l-kwalità ta’ ħajjithom tibqa’ tajba. 

Bugeja semma li l-valuri u l-prinċipji tal-GWU jikkonverġu ma’ dawk tal-Partit Laburista u għalhekk ħeġġeġ lil kulħadd biex is-Sibt jaqdi dmiru u jmur jivvota.

“Agħżlu lil min għandu lill-pensjonanti għal qalbu” – Is-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti Tony Zarb

Aktar qabel, tkellem ukoll is-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-GWU Tony Zarb li fakkar li Gvern Laburista ta żieda kontinwa fil-pensjonijiet u tejjeb il-kundizzjoni tal-pensjonanti. “Irridu nagħżlu l-futur ta’ dal-pajjiż”, saħaq Zarb filwaqt li kompla biex jgħid li bl-għażla tas-Sibt se tkun qiegħda tittieħed deċiżjoni dwar x’pajjiż se nħallu lil uliedna u lil ulied uliedna.

“Irridu nagħżlu bejn min jibgħat il-kontijiet għal min jibagħat iċ-ċekkijiet. irridu nagħżlu bejn min l-anzjani huma għal qalbu u bejn min abbundunahom jew użahom biss fejn jaqbillu”, tenna Zarb.

Ekonomija

Sport