Friday, December 13, 2024

“Gvern Laburista huwa Gvern tal-inċentiv u mhux tal-kastig”

Aqra wkoll

“Il-manifest tal-PN jagħtik l-impressjoni li se jagħti kollox lil kulħadd imma, jekk jirnexxielek taqrah aktar minn darba, u ngħid hekk għax inbidel kważi kull tliet ijiem, tibda toħroġ narrattiva inkwetanti. Il-biċċa l-kbira tal-proposti tal-manifest tal-PN huma bit-terms and conditions.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista waqt konferenza indirizzata mill-kandidata Laburista Rebecca Buttigeg u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Il-kandidata Laburista Buttigieg qalet: “Fil-fatt jekk wieħed isegwi s-suġġeriment ta’ Bernard Grech u tagħmel search f’dan l-istess manifest, hemm ċertu kliem li jispikka. Il-kelma ‘iżda’ tidher 87 darba, filwaqt li l-kelma kriterji tidher 49 darba u l-kelma ‘konformi’ tidher 41 darba.”

Innotat kif hemm mill-inqas 32 proposta li jiddikjaraw li biex xi ħadd jibbenefika minn xi miżura jrid ikun konformi mal-ESG. Qalet li l-problema hi li imkien mhu spjegat x’se jkun eżatt dan il-proċess ta’ ESG.

Sostniet li l-Partit Laburista huwa assolutament favur li n-negozji tagħna b’mod volontarju jaddottaw frameworks ESG, anzi qalet li diġà żviluppaw ‘ESG platform’  u se jkomplu jaħdmu biex ikollhom framework addattat għaċ-ċirkostanzi tan-negozji tagħna. Qalet li dak li huwa żgur huwa li bħala PL se jibqgħu ta’ spallla għan-negozji. Żiedet tgħid li huma l-Gvern tal-inċentiv u mhux tal-kastig.

Minn naħa tagħha l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li jridu li l-kumpaniji f’pajjiżna jilħqu l-kriterji tal-ESG tant li diġà qed jgħinuhom biex jagħmlu dan. Qalet li d-differenza bejnhom u bejn il-PN hija li bħala Gvern qed jinċentivawhom lill-kumpaniji biex jaslu għall-kriterji tal-ESG, speċjalment il-kumpaniji żgħar u medji,  filwaqt li mbagħad għandek il-PN li qed jgħidilhom li jekk tiflaħ tilħaq il-kriterji tal-ESG, nagħtik l-inċentiv ladarba tkun wasalt.

“Aħna l-qalba lejn il-kriterji ESG se naraw li tkun qalba gradwali mingħajr ma nitfgħu piżijiet fuq in-negozji,” qalet il-Ministru Dalli filwaqt li fissret li skont dak li qed jintqal mill-PN, il-kumpaniji se jknu qed jaffaċċjaw piżijiet finanzjarji kba biex jilħqu dawn il-kriterji.

“Aħna ngħinuk tilħaq l-istandards u ħaddieħor jgħidlek, ‘ngħinek…jekk tilħaq l-istandards’ u dik il-‘jekk’ hija mimlija terms and conditions,” qalet il-Ministru Dalli filwaqt li spjegat dak li qed jipproponi l-PL fosthom li jipprovdi assistenza diretta biex jagħmlu din it-tranżizzjoni li tant jemmnu fiha.

Ekonomija

Sport