Wednesday, April 24, 2024

Gvern Laburista ngħata raġun … l-Oppożizzjoni vvotat favur

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn VICTOR VELLA 

Wara diversi jiem bl-Oppożizzjoni thedded li kienet se tivvota kontra l-abbozzi ta’ liġijiet marbutin mar-riforma għas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, liema riformi hemm qbil dwarhom bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Venezja, ilbieraħ il-gvern ingħata raġun mill-istess Oppożizzjoni wara li tressqu diversi emendi li kienu diskussi bejn iż-żewġ naħat. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, kien ilu jagħmel appelli biex l-Oppożizzjoni tivvota favur u dan wara li kienu ddikjaraw għal diversi drabi li se jivvota kontra.  

Wara diskussjonijiet li saru bejn iż-żewġ naħat, il-gvern ingħata raġun u l-Oppożizzjoni vvotat favur ir-riformi. Dawn ir-riformi huma meqjusin bħala riforma sinifikanti fejn tidħol id-demokrazija f’pajjiżna.

Ta’ min jgħid li fost l-abbozzi mheddin minn din l-attitudni tal-Oppożizzjoni kien hemm dawk dwar il-bidla fil-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika, ħatriet ta’ Mħallfin u Maġistrati, ħatra ta’ Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u bidliet fil-liġijiet relattivi għall-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja.  

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, meta kien ikkummenta dwar din it-theddida tal-Oppożizzjoni, qal li jekk l-Oppożizzjoni tivvota kontra dan iwassal biex tisfuma fix-xejn ħidma li twettqet minn diversi professjonisti u anke mill-Gvern dwar din ir-riforma.

Kien qalilna li “mill-pakkett ta’ riformi li ressaq bħala amministrazzjoni Robert Abela fi żmien rekord fejn issorprendejna lil kulħadd, hemm 10 abbozzi ta’ liġi. Hemm nofshom li hemm il-ħtieġa tal-vot taż-żewġ terzi tal-membri kollha li jpoġġu fil-Kamra tad-Deputati. Ir-riformi fil-maġġoranza tagħhom ġabu ċertifikat mill-Kummissjoni Venezja. Dawn huma riformi ferm tajba li jrid ikollok Gvern li għandu ‘guts’ politiku li jwettaqhom. Għalhekk wieħed ftit jista’ jifhem kif l-Oppożizzjoni tista’ tivvota kontra jew inkella tista’ titwemmen politikament jekk tivvota kontra. Saħħa li l-Oppożizzjoni ma wettqitx hija ċertu riformi importanti, issa nistenna li ma tfixkilx dan il-proċess tant importanti li tant qed jgħin lil Malta anke issa f’dan l-istadju bikri f’fora Ewropeja u internazzjonali. Madanakollu, ir-riperkussjoni li l-Oppożizzjoni tivvota kontra fl-abbozz fejn hemm il-ħtieġa taż-żewġ terzi huma ċari, il-vot ma jgħaddix u r-riforma ma ssirx. Għalhekk hemm risponsabbiltà politika kbira x’tinġarr mill-Oppożizzjoni f’każ li dan iseħħ”, kien sostna Zammit Lewis.

Dwar ir-riformi fil-ħatra tal-President tar-Repubblika li tibda ssir biż-żewġ terzi tal-Parlament, u li anke l-Prim Imħallef jinħatar b’dan il-mod, il-Minsitru Zammit Lewis qalilna li “dawn huma żewġ bidliet ferm importanti f’dan il-pakkett ta’ riformi. Minn dak li qalu l-Oppożizzjoni sa issa huma jaqblu mal-mod kif il-Gvern ser jaħtar lill-persuni f’dawn iż-żewġ karigi tant importanti fil-pajjiż. Li mhux qegħdin jaqblu huwa li jekk tinħoloq sitwazzjoni fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jibqgħu ma jaqblux fuq persuna, allura jiskatta mekkaniżmu fejn il-persuna tkun tista’ tiġi maħtura mill-Kamra b’maġġoranza assoluta, jiġifieri, il-maġġoranza tal-membri kollha li jpoġġu fil-Kamra. Dan qed jiġi propost mill-Gvern mhux għax ma jridx li jintlaħaq ftehim, iżda sabiex il-liġi tkun waħda effettiva u l-ħatra ssir dejjem. Irid jingħad li dan huwa xorta waħda aħjar mis-sitwazzjoni li għandna llum billi l-President jinħatar b’riżoluzzjoni tal-Kamra u għalhekk ifisser maġġoranza sempliċi tal-Kamra. Madanakollu, ir-riperkussjoni li l-Oppożizzjoni tivvota kontra fl-abbozz fejn hemm il-ħtieġa taż-żewg terzi huma ċari, il-vot ma jgħaddix u r-riforma ma ssirx.”

Sport