Gvern Laburista ppreżenta Budget li jagħti ċertezza, stabbiltà u jkompli jsaħħaħ il-familji

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia u d-Deputat Laburista Cressida Galea enfasizzaw id-differenza bejn Gvern li jwettaq u Oppożizzjoni li baqgħet ma ħaditx deċiżjoni dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-pajjiż.

Il-Ministru Farrugia qalet li l-Prim Ministru reġa’ kkonferma li l-Gvern se jkompli jżomm stabbli l-kontijiet tal-enerġija u l-prezzijiet tal-fjuwil fost l-orħos fl-Ewropa. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma jagħtix pożizzjoni ċara dwar is-sussidji. Fakkret li l-prezzijiet tal-fjuwil ilhom stabbli mill-eqqel tal-pandemija.

Hija elenkat ukoll uħud mill-miżuri soċjali mħabbra fil-Budget, fosthom iż-żieda fil-Carer’s Grant għal €7,500 fis-sena għall-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità severa. L-għan tal-Gvern huwa li din l-għotja tilħaq il-livell tal-Paga Minima Nazzjonali sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura. Minn Jannar tas-sena d-dieħla se tingħata wkoll għajnuna ekwivalenti għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali lil ġenituri f’din is-sitwazzjoni li jaħdmu sa 20 siegħa part-time fil-ġimgħa. Barra minn hekk, il-Gvern se jerfa’ l-ispejjeż kollha tat-terapiji meħtieġa għat-tfal b’diżabilità u kundizzjonijiet newrodiverġenti.

Min-naħa tagħha, id-Deputata Laburista Cressida Galea semmiet il-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela u li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jsaħħu l-ekonomija. Fost dawn hemm il-vjaġġi bil-Gozo Channel bla ħlas għall-Maltin u l-Għawdxin li jaqsmu bil-mixi mill-1 ta’ Jannar, miżura li se tapplika wkoll għal ċittadini tal-UE u residenti long-term. Galea semmiet ukoll l-investiment ta’ Lufthansa Technik fir-raba’ hangar tagħha, li mistenni jiftaħ fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, kif ukoll l-iżviluppi fil-konnettività bl-ajru, fosthom bir-ritorn tar-rotta bejn Malta u Doha tal-Qatar Airways.

Dwar it-turiżmu, qalet li d-dħul mill-eko-kontribuzzjoni se jmur lura fis-servizzi u f’aktar riżorsi għall-Kunsilli Lokali f’żoni turistiċi. Il-miżati miż-żjarat f’Kemmuna se jgħinu fl-investiment fil-Blue Lagoon, filwaqt li d-dħul mit-turisti tal-cruise liners se jikkontribwixxi għat-twaqqif ta’ Fondazzjoni ġdida għall-Belt Valletta.

Il-Budget 2027, li jlaħħaq kważi €11-il biljun, se jkompli jibni fuq ekonomija b’saħħitha, b’defiċit taħt it-3% u proporzjon tad-dejn li qed ikompli jonqos. Gvern Laburista mhux biss iwiegħed, iżda jwettaq.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport