Saturday, December 28, 2024

GVERN LI JIBQA’ IMPENJAT F’ĦIDMA FAVUR IL-PAJJIŻ

Aqra wkoll

Minkejja li għad fadal ftit aktar minn ħames ġimgħat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-Gvern xorta waħdu għaddej bit-twettiq tal-proposti tal-manifest elettorali li huma fil-qalba tal-ħidma tiegħu.

Qabel xejn wieħed irid jirrikonoxxi li f’dawn l-aħħar snin saru bosta riformi u inizjattivi, li kienu jolqtu faxex differenti tas-soċjetà. Minn dawn ibbenefikaw ħafna u ħafna nies, fosthom il-ħaddiema u l-pensjonanti. Minkejja dan, għad fadal xi jsir biex jitwettqu aktar proposti li hemm elenkati fil-manifest “Malta Flimkien”. 

Matul din il-ġimgħa stess rajna wkoll it-titwettaq ta’ wegħda elettorali oħra, fejn il-Gvern ħabbar skemi ġodda intiżi li jkomplu jindirizzaw l-inġustizzji tal-imgħoddi, li jolqtu l-eks impjegati tal-Korporazzjoni Telemalta kif ukoll l-eks ħaddiema tal-Malta Drydocks u tal-MaltaShipbuilding. 

Hawn tajjeb li nsemmu kif f’dan il-qasam biss, mill-2017 sal-lum, il-Gvern diġà investa mal-€85 miljun u dawn ma jinkludux l-iskemi mħabbra t-Tlieta li għadda. Dan jikkonferma r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern, li jaħdem qatigħ sabiex jindirizza kull inġustizzja. 

Sadanittant, id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela tal-bieraħ kompla jixpruna wkoll il-ħidma tal-Ministri rispettivi biex huma wkoll ikomplu jwettqu dak li hu tajjeb u ta’ ġid għan-nies.

Apparti hekk, il-messaġġ li twassal kien wieħed ta’ għaqda u li Gvern Laburista se jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar filwaqt li jindirizza sfidi ġodda li jinħolqu waqt il-proċess lejn il-progress fejn kulħadd jingħata ċans ugwali jiprogressa. Fl-istess waqt, li jibqa’ jkun tarka għall-ħaddiema.

Gvern Laburista se jkompli wkoll jinvesti bis-saħħa fuq titjib fl-ambjent, mhux biss fuq spazji miftuħin iżda wkoll fuq firxa aktar wiesgħa fis-soċjetà tagħna. Se jkompli jaħdem sabiex jagħti ħajja ġdida liċ-ċentro tal-irħula li jservu ta’ pulmun għal-lokalità u jkunu ċ-ċentru tal-attività fil-ħajja tar-resdenti.

Fis-settur tal-edukazzjoni gvern Laburista kien u se jibqa’ kuraġġjuż u dinamiku sabiex ikollna sistema li tibqa’ tindirizza l-bżonnijiet tal-pajjiż. Ma nistgħux nibqgħu ffukati biss fuq l-edukazzjoni li tingħata fuq il-bankijiet tal-iskola u għalhekk, se jsir investiment biex kull tifel u tifla jingħataw opportunitajiet ugwali, lil hinn mill-klassi soċjali li jitwieldu fiha, biex kulħadd ikun jista’ jsib l-imbuttatura meħtieġa biex jitla l-iskaluna soċjali.

Huwa għalhekk li t-8 ta’ Ġunju hija ġurnata importanti għal pajjiżna. Dan hekk kif il-poplu se jkollu għażla quddiemu bejn kandidati tal-partit Nazzjonalista li jaqbdu dejjem mal-istess retorika tal-passat u kandidati tal-Partit Laburista li jħarsu ‘l quddiem b’ħeġġa u b’impenn li jkomplu jkunu l-vuċi u t-tarka tal-poplu kollu. 

Ekonomija

Sport