Sunday, December 22, 2024

Gvern li jippjana fit-tul fil-qasam ambjentali

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li l-Malta li rridu għal uliedna tfisser li l-Gvern qiegħed iħares fit-tul.

Huwa tkellem dwar it-tibdil fil-klima u qal li dan il-Gvern ra li mhux biss jaħseb għas-sentejn li ġejjin imma għall-20 u t-30 sena li ġejjin. “Għandna miri partikolari biex ikollna ekonomija taħdem b’żero karbonju.”

Il-Ministru Farrugia rrefera wkoll għal skemi biex ikollna enerġija rinovabbli, biex ikun hemm effiċjenza fl-enerġija kif ukoll skemi biex il-karozzi jiġu elettrifikati. B’rabta ma’ dan tal-aħħar, il-Ministru semma kif l-għajnuniet se jitilgħu għal €12,000

Ma naqasx milli jitkellem dwar l-investiment ta’ nofs biljun ewro sabiex ninfatmu darba għal dejjem mill-miżbliet li kellna fil-passat. Huwa qal ukoll li t-tfal tagħna se jkollhom impjanti bħal dawk ta’ pajjiżi aktar moderni illi verament mill-iskart joħolqu riżorsa.

Il-Ministru Farrugia żied ifakkar li dan il-Gvern dejjem tkellem dwar il-bżonn ta’ bilanċ fejn jidħol l-ambjent u l-ippjanar. Huwa rrefera fost oħrajn għall-iskema biex first-time buyers jew oħrajn li jixtiequ jixtru t-tieni dar tagħhom imorru għal postijiet li jistgħu jiġu ppreservati, fosthom fl-Urban Conservation Areas.

“L-ambjent mhuwiex is-siġar biss. Għandna ħafna proġetti f’dan ir-rigward – afforestazzjoni u parks li ħabbarniehom fil-budget. L-ambjent huwa wkoll l-ekonomija ċirkolari, it-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar tal-iskart u anke l-ippjanar. Dan il-budget laqat kull punt minn dawn,” tenna l-Ministru Farrugia.

Ekonomija

Sport