Waħda mill-problemi li għadu jaffaċċja pajjiżna hi l-konġestjoni tat-traffiku. Dan huwa fenomenu li, maż-żmien, kompla jikber, fost l-oħrajn minħabba ż-żieda fin-numru ta’ vetturi fit-toroq tagħna. Żieda li tista’ tkun marbuta wkoll mal-iżvilupp ekonomiku u ż-żieda fil-kapaċità tal-poplu li jixtri u jżomm karozza privata.
L-aħħar statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li matul it-tielet kwart tal-2026, l-istokk ta’ vetturi bil-liċenzja żdied bʼ4,633 fuq it-tliet xhur taʼ qabel. Fl-istess perjodu, l-istokk tal-vetturi bil-liċenzja żdied b’medja netta taʼ 50 vettura kuljum. Dawn iċ-ċifri juru kemm il-pressjoni fuq l-infrastruttura tat-toroq tagħna għadha waħda sostanzjali.
Minkejja dan, jidher li l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għal l-isfida qed tingħata aktar importanza. Fil-fatt, il-Gvern qiegħed jagħraf li hemm bżonn ta’ miżuri konkreti biex titjieb is-sistema tat-trasport f’pajjiżna u jitnaqqas il-piż tat-traffiku fuq il-ħajja ta’ kuljum.
Fost il-ħafna inizjattivi li qed jieħu l-Gvern sabiex ikompli jindirizza l-problema tal-volum tat-traffiku hemm dik li jkompli jinċentiva l-użu ta’ mezzi ta’ trasport alternattiv, inkluż it-trasport pubbliku. L-użu tar-roti u l-mixi jibqgħu wkoll alternattiva tajba għall-użu tal-karozza. Madanakollu, hemm ukoll mezzi oħra li qegħdin iħallu impatt mill-aktar pożittiv f’dan ir-rigward, fosthom is-servizz tal-ferries.
Il-Gvern qiegħed ukoll iħares lejn strateġija usa’, u dan permezz tal-pjan Malta in Motion li jgħaqqad l-aspetti diversi tat-trasport f’viżjoni waħda. Pjan li nifhmu li diġà qed jiġi implimentat. Dan l-aħħar ukoll rajna t-tnedija tal-istrateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu, li twassalna sal-2036, u li hija wkoll parti minn dan il-pjan. Inizjattivi bħal dawn huma importanti għaliex juru li l-futur tat-trasport ma jistax jiddependi biss fuq il-karozza privata.
Aspett li ma jistax jiġi injorat huwa s-sigurtà fit-toroq. Kull bidla fis-sistema tat-trasport trid timxi wkoll id f’id ma’ miżuri li jiggarantixxu aktar protezzjoni għal dawk kollha li jużaw it-toroq, kemm jekk huma sewwieqa, ċiklisti jew inkella persuni mexjin.
Fl-aħħar mill-aħħar, it-tnaqqis tat-traffiku ma jiddependix minn miżura waħda, iżda minn bidla gradwali fil-mod kif nippjanaw u nużaw it-trasport. Huwa għalhekk li għandna nħarsu lejn din l-isfida bħala opportunità biex nibnu sistema tat-trasport aktar moderna, effiċjenti u sostenibbli. Il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-awtoritajiet kompetenti u ċ-ċittadini hija essenzjali biex dan il-għan jintlaħaq.




