“Dan hu Gvern li mhu se jippermetti lil ħadd jilgħab mal-proċess tal-ġustizzja. Fl-aħħar xhur bgħatna messaġġ b’saħħtu u kkonfermajnieh bil-fatt kemm dan hu Gvern li se jiġġieled bis-saħħa l-kriminalità, hi ta’ liema xorta hi.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament meta kienet qiegħda tiġi diskussa emenda leġiżlattiva fil-kodiċi kriminali biex jinqata’ lok ta’ abbuż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, partikolarment fil-proċess ġudizzjarju.
Huwa beda biex qal li rridu ġustizzja waħda b’saħħitha, effettiva u bla dewmien żejjed. Qal li Malta f’dawn l-aħħar sentejn għolliet l-istandards tagħha b’mod partikolari fejn tidħol il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.
Dr Abela sostna li hu żgur li mhux se jippermettu lil xi ħadd li jipprova jaħrab mill-proċess tal-ġustizzja. Qal li malli saru jafu li seta’ kien hemm dan l-abbuż, minnufih ġiet abbozza din l-emenda u ġiet diskussa b’mod urġenti fil-Parlament.
“Kellek sitwazzjoni fejn l-akkużat meta jara li qed joqrob it-terminu ta’ 30 xahar, u l-ġuri ġie appuntat, jara kif jivvinta xi ħaġa biex il-ġuri ma jistax jitkompla jew ma jiġix appuntat. Ikun hemm din iċ-ċirkostanza anomala fejn persuna tweġġa’ lilha nfisha b’mod u manjiera li l-ġuri ma jimxix ‘il quddiem,” qal il-Prim Ministru.
“Din l-emenda tgħid li meta akkużat li ma jkunx ingħata bail, jagħmel ħsara fuqu nnifsu, hu x’inhu l-mod, jew jagħmel azzjoni biex jipposponi l-ġuri, it-terminu ta’ 30 xahar jiġi sospiż.”
Dr Abela spjega li diġà hemm ċirkostanzi maħsuba fil-liġi fejn dan it-terminu tal-għoti obbligatorju tal-ħelsien mill-arrest jiġi sospiż, u li din l-emenda se tkun qiegħda żżid ma’ dawk iċ-ċirkostanzi fejn it-terminu obbligatorju tal-ħelsien mill-arrest jiġi sospiż.
Il-Prim Ministru nsista wkoll li f’dak li jirrigwardja l-kriminalità organizzata, dan il-Gvern mhux biss jitkellem dwarha imma anke jaġixxi. “L-azzjonijiet tagħna hemm ir-riżultati għalihom. Għandna nies li huma kkundannati dwar reati li huma konnessi ma’ kriminalità serja u organizzata li qed jiskontaw pieni ta’ priġunerija, għandna oħrajn akkużati li qed jistennew smigħ tal-ġuri jew il-kawża tagħhom.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn il-ġimgħa li għaddiet żewġ persuni nstabu ħatja tal-omiċidju u kienu kkundannati piena ta’ 40 sena ħabs kull wieħed.
“Dan huwa sinjal ċar li pajjiżna jrid, qed jaħdem u se jibqa’ jaħdem għall-ġustizzja, Issa għandna 3 persuni misjuba ħatja ta’ dan l-omiċidju, ingħataw piena karċerarja, 3 oħra jistennew li jinbeda l-ġuri fosthom l-allegat mandant.”
Huwa tenna l-impenn ta’ dan il-Gvern li jkun hemm ġustizzja sħiħa f’dan il-każ u li s-sentenza li ngħatat il-ġimgħa l-oħra kienet pass ieħor f’din id-direzzjoni. Huwa nnota kif fl-aħħar sentejn ittieħdu deċiżjonijiet importanti, fosthom bl-għoti ta’ proklama li għenet lill-investigaturi fil-ħidma tagħhom biex jiżblukkaw parti mill-investigazzjoni li ħafna ħasbu li kienet weħlet kompletament.
Il-Prim Ministru tenna jgħid li għad fadal x’isir f’dak li jirrigwardja l-qasam tal-ġustizzja. Saħaq li mhux se jkun aċċettat li jkun hemm dewmien żejjed fil-kawżi u għalhekk se jibqgħu għaddejjin bir-riformi, fosthom dik dwar kif jitmexxew il-kumpilazzjonijiet.