Sunday, November 24, 2024

GVERN LI SE JKOMPLI JIKTEB L-ISTORJA

Aqra wkoll

Minn mindu l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern fl-2013, implimenta numru ta’ miżuri li ivvalorizzaw u taw saħħa liċ-ċittadini ta’ bejn 16 u t-18-il sena. Dawn il-miżuri meta tħabbru qanqlu diskussjoni, iżda meta mbagħad sabu ruħhom fil-liġi indraw u illum jitħaddmu bla ebda diffikultà.

L-istorja kienet bdiet tinkiteb fl-2014 meta ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena u 17-il sena ngħataw id-dritt li jivvotaw u jikkontaw għall-elezzjonijiet lokali iżda mingħajr id-dritt li kandidat ta’ 16 jew 17-il sena li jiġi elett fil-Kunsill bil-maġġoranza ta’ voti minn dak il-partit li jirbaħ il-maġġoranza f’dik il-lokalita’ jsir Sindku u bl-istess mod Viċi-Sindku għat-tieni wieħed.

L-istorja kompliet tinkiteb meta f’Marzu tal-2018 Malta kienet saret it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea – wara l-Awstrija – li naqqset l-eta’ tal-vot fl-elezzjonijiet pġenerali minn 18 għal 16-il sena u kienet tbiddlet il-Kostituzzjoni b’approvazzjoni unanima fil-Parlament biex isir dan. Ħafna nies dakinhar kienu qalu li ż-zgħażagħ ma kinux kompetenti biex jagħmlu deċiżjoni tant importanti, ħafna oħrajn qalu li din kienet miżura li se tbiddel għall-aħjar il-mod ta’ kif issir il-politika.
Bir-raġun kien ingħad, dakinhar, li din kienet riforma storika.

L-ewwel darba li din il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ta’ 16 jew 17-il sena ġiet ittestjata kienet fl-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali tal-2019. Nistgħu ngħidu li l-esperiment irnexxa u kien suċċess. Tant kien suċċess li anke kienu ġew eletti tliet żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena, waħda fuq tas-Sliema f’isem il-Partit Laburista, wieħed fuq San Pawl il-Baħar f’isem il-Partit Laburista u ieħor fuq il-Għargħur f’isem il-Partit Nazzjonalista. Terġa’ dak li tela’ fil-Għargħur ġab l-ikbar ammont ta’ voti mill-partit li ġab l-ikbar maġġoranza f’dik il-lokalita’. U dak li tela’ fuq San Pawl il-Baħar ġab it-tieni l-ikbar ammont ta’ voti fil-partit li ġab l-ikbar maġġoranza f’dik il-lokalita’.

Dak iż-żmien kien hawn sentiment li ma kienx sew li dawn iż-żewġ żgħażagħ ma setgħux jieħdu posthom bħala Sindku u Viċi-Sindku rispettivament fil-Għargħur u San Pawl il-Baħar. Kienu ħafna li tkellmu u kitbu li din il-ħaġa għandha tinbidel.
U għal darb’oħra nieħdu gost ninnotaw li l-Gvern se jkompli jbiddel u jkompli jikteb l-istorja. Beda billi daħħal din il-miżura bħala wegħda elettorali fil-Manifest Malta Flimkien bil-għan li tissaħħaħ ir-rappreżentanza politika. Kompla billi inkluda din il-proposta fl-istrateġija għall-Kunsill Lokali li ġiet imnedija f’Mejju li għadda. Rajna wkoll lill-Partit Nazzjonalista joħroġ favur din ir-riforma fid-dokument li nieda f’Diċembru li għadda. U issa rajna lill-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli jgħaddu mid-diskors għall-fatti bil-pubblikazzjoni tal-liġi nnifisha.

Fil-mument li tgħaddi din il-liġi Malta se tkun qed issir l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li żagħżugħ ta’ 16 jew 17-il sena jikseb il-fiduċja tal-maġġoranza tal-elettorat u jkun qed jifforma parti mill-Partit li jirbaħ dawn l-elezzjonijiet lokali f’dik il-lokalità jista’ jsir Sindku jew anke Viċi-Sindku f’każ ta’ xi ħadd li jġib it-tieni l-ikbar ammont ta’ voti fil-partit li jirbaħ dawn l-elezzjonijiet lokali f’dik il-lokalità.
Anke l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu għamel aċċenn dwar l-importanza ta’ din ir-riforma. Emenda li fi kliemu stess qiegħda turi kemm dan il-Gvern għandu fiduċja fiż-żgħażagħ.

Din hija aħbar tajba għad-demokrazija u għal iktar rappreżentanza. Kien hemm min faħħar din il-proposta u kien hemm min ħareġ kontra din il-proposta għalkemm aħna nemmnu li biż-żmien anke min illum hu ftit xettiku għada pitgħada jkun favur. Fl-aħħar mill-aħħar il-poplu sovran u l-poplu għandu l-aħħar kelma dwar min irid li jirrappreżentah. Fil-każ tal-Għargħurin fl-2019 diġà kienu qalu li lesti jagħtu l-fiduċja sħiħa tagħhom lil żagħżugħ ta’ taħt it-18-il sena. Min jaf is-sena d-dieħla jekk ikunx hemm iktar lokalitajiet li jagħmlu hekk? Il-poplu jikkmanda!

Sport