Thursday, April 25, 2024

Gvern li verament jappoġġja l-kultura tal-festi Maltin

Aqra wkoll

Ngħiduha kif inhi, min jaf kemm fl-imgħoddi kien hemm Ministri u deputati oħra miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rapprezentnti li servew jew għadhom iservu f’kumitati ta’ festi fl-ibliet u l-irħula Maltin. Dawn, tista’ tgħid kollha ħadmu u għenu biex il-festi f’pajjiżna jkomplu mexjin il-quddiem.

Dan ġara kemm taħt Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista u kemm fi żmien Gvernijiet immexxija mill-Partit Laburista. Saħansitra rajna esponenti politiċi li damu jservu anke wara li temmew l-impenji pubbliċi tagħhom u rritornaw għall-ħajja privata. Lil dawn il-politiċi għandna għalfejn nirringrazzjawhom tal-kontribut kbir li taw u li wħud minnhom għadhom jagħtu.

Biss, dak li qed naraw iseħħ issa hi xi ħaġa għal kollox differenti u u ferm importanti. Għalina, dan mhu xejn inqas minn rivoluzzjoni kulturali kbira li forsi lanqas qed nagħtu kas l-importanza tagħha.

Taħt amministrazzjoni Laburista, kemm ta’ Joseph Muscat u anki ta’ Robert Abela, rajna bidla kbira fl-attitudni. Bidla li minn sitwazzjoni fejn il-festi kienu jiddependu kważi għal kollox fuq il-ħidma sfieqa ta’ ħafna volontiera u fuq il-qalb tajba tal-benefatturi, ħafna minnhom politiċi, li kellhom interess dirett fil-lokalita’ li fiha l-festa tkun qed issir, illum għandna festi li qed jingħataw sostenn u appoġġ qawwi mill-Gvern.

Din il-ġimgħa stess tħabbret skema ta’ għajnuna finanzjara li tlaħħaq €700,000 li se jitqassmu lill-festi kollha ta’ Malta u Għawdex, somma li hi 45% ikbar milli tqassmu s-sena li għaddiet. B’din l-iskema l-ġdida, kull festa tista’ tibbenefika minn massimu ta’ €18,000. Kif inhi mfassla l-iskema, kull soċjeta’ mużikali se jkollha dritt għal €8,000, kif ukoll €5,000 għal kamra tan-nar u €5,000 oħra għall-għaqda tal-armar.

Dawn l-għajnuniet finanzjarji kollha qatt ma konna nisimgħu bihom qabel. Qatt daqs illum ma kien hemm skemi apposta mill-gvern sabiex isostnu l-festi titulari u sekondarji fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin kollha.

U hawn irridu nfaħħru l-impenn politiku tal-Ministru responsabbli mill-kultura, Dr Owen Bonniċi, li malli ġew allokati l-fondi meħtieġa ra li titfassal skema bil-għan li ssaħħaħ il-festi Maltin, li wara kollox huma parti mill-wirt kulturali li ħallewlna missirietna.

Inkunu qed nonqsu jekk f’dan il-kuntest ma nsemmux żewġ inizjattivi importanti ħafna li saru f’dan l-aħħar żmien. L-ewwel, il-ħidma li twettqet mill-Ministeru mal-Għaqda Każini tal-Banda biex il-festa Maltija saret Wirt Intanġibbli Dinji tal-UNESCO, u t-tieni l-intervent tal-gvern biex jinxtraw każini ta’ diversi soċjetajiet mużikali li jinsabu f’riskju li jiġu żgumbrati. B’kollox u sa issa diġa hemm 11-il proprjeta’ li inxtraw jew qegħdin f’konvenju.

Dawn l-eżempji kollha huma xiehda ta’ kemm il-Gvern Laburista għandu għal qalbu l-kultura ta’ pajjiżna u lest li jieħu kull iniżjattiva biex isaħħaħ dak kollu li hu Malti, mhux l-inqas id-drawwiet u t-tradizzjonijiet li huma parti mill-identita tagħna bħala poplu Malti.

Sport