Friday, November 15, 2024

GVERN RIFORMISTA B’RISQ IĊ-ĊITTADIN

Aqra wkoll

Li l-Gvern Laburista huwa Gvern riformista ħadd ma jista’ jiċħad. Hekk ukoll li kull riforma li saret kellha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadin.

Xhieda ta’ dan huma l-milja tas-snin li matulhom, Gvernijiet Laburista, wieħed wara l-ieħor, dejjem ħadu ħsieb li jmexxu ‘l quddiem miżuri soċjali li tejbu estremament is-sitwazzjoni ta’ kull min kien għaddej minn diffikultajiet f’ħajtu.

Nafu biżżejjed li dan il-Gvern dejjem impenja ruħu biex jassigura li jkun hemm servizzi soċjali ħalli ħadd ma’ jaqa’ lura, l-iktar dawk vulnerabbli. Dan għax bla dubju għaraf li jekk il-Partit Laburista jitlef ir-ruħ soċjali tiegħu, ma jkunx jixraqlu iktar li jissejjaħ Gvern tal-ġustizzja soċjali.

Il-Parlament fl-aħħar jiem iddiskuta l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu, il-Qrati se jingħataw is-setgħa li jikkunsidraw li jittrasferixxu ammont mill-kontribuzzjonijiet bejn il-miżżewġin bħala rimedju addizjonali sabiex ikun jista’ jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-miżżewġin f’każ ta’ separazzjoni jew divorzju.

B’din il-liġi se jkunu indirizzati sitwazzjonijiet li fihom persuni jistgħu jsibu ruħhom f’diffikultà wara li jkunu sseparaw jew iddivorzjaw. Fil-fatt, bidla bħalma hi din, il-Gvern ilu jikkunsidraha tant li dan l-Att kien propost fil-manifest elettorali tal-elezzjoni tal-2017. Għaldaqstant il-Gvern ressaq dan l-Att sabiex jiġi indirizzat dan il-vojt fil-liġi bil-għan li sseħħ ġustizzja soċjali kemm mal-mara kif ukoll mar-raġel.

Kif inhi l-liġi llum, ix-xogħol li tkun għamlet il-mara, bħala mara tad-dar u tal-familja, għadu mhux rikonoxxut biex tkun tista’ tingħata xi forma ta’ pensjoni. Minħabba wkoll li mara ma tkunx ħadmet u allura ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’isimha ma tkunx intitolata għal pensjoni kontributorja.

B’dan l-Att, il-Qorti se jkollha s-setgħa tiddeċiedi fid-diskrezzjoni tagħha illi parti mill-kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu minn wieħed mill-konjuġi matul iż-żwieġ jiġu trasferiti lill-parti l-oħra u b’hekk jiġi assigurat il-manteniment dovut b’mod xieraq u ekwu.

Din il-liġi se tkompli tissiġilla l-impenn tal-Gvern mnhux biss li jnaqqas kemm jista’ kull forma ta’ inġustizzji imma wkoll li jikkonsolida jkompli jseddaqq il-kullana ta’ benefiċċji soċjali f’qafas ġust għal kulħadd.

Ekonomija

Sport