Sunday, November 24, 2024

GVERN RIFORMISTA LI JWETTAQ DAK LI JWIEGĦED

Aqra wkoll

Għaddew 100 jum mindu l-Partit Laburista reġa’ ngħata l-fiduċja biex imexxi lil dan il-pajjiż. Bosta ħasbu li l-ewwel mitt jum se jkunu qamar il-għasel għall-Gvern iżda dan ma kienx il-każ. Il-Gvern beda minnufih b’ħidma biex jagħmel ir-riformi kollha u jwettaq dak li wiegħed li se jagħmel fl-ewwel mitt jum.

Dan kien ukoll l-ewwel mandat ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, mandat b’saħħtu li kiseb riżultat tal-akbar rebħa elettorali mill-Indipendenza lil hawn. Dawn l-ewwel mitt jum huma l-mera ta’ kif il-Gvern se jmexxi tul il-leġiżlatura sħiħa f’dawn il-ħames snin li ġejjin. 

Il-Prim Ministru Robert Abela mill-ewwel kien ċar fi kliemu meta qal li l-programm elettorali “Malta Flimkien” qiegħed hemm biex isir programm ta’ ħidma ta’ Gvern ġdid u l-proposti qegħdin hemm biex jiġu implimentati. Il-Partit Laburista ressaq diversi wegħdiet ewlenin b’impenn ċar li dawn jiġu jitwettqu fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid Laburista. 

Fuq quddiem nett kien hemm l-emendi l-ġodda li tressqu fil-Parlament b’rabta mal-liġi tal-IVF. Emendi li jkomplu jibnu fuq dawk tal-2018 u li għandhom l-għan li aktar persuni jsiru ġenituri. 

Dan billi se jiżdiedu ċ-ċikli ta’ IVF mingħajr ħlas, se tkun iffaċilitata d-donazzjoni tal-oocytes minn pajjiżi barranin u se jkun permessibbli t-trasferiment ta’ embrijuni krijo-priservati f’pajjiżi barranin lejn Malta sabiex din il-proċedura ssir Malta stess fost oħrajn. 

Nemmnu li b’din il-liġi, li issa waslet biex jittieħed vot dwarha fil-Parlament, Gvern Laburista sema’ l-karba ta’ dawn l-individwi li kellhom bżonn ta’ għajnuna medika biex isiru ġenituri għall-ewwel darba. 

Apparti minn hekk, b’dawn l-emendi se jkun offrut is-servizz ta’ IVF anke lil min diġà għandu l-ewwel wild. Sal-lum, bl-IVF twieldu xejn inqas minn 425 ħajja ġdida f’pajjiżna. Permezz ta’ dawn l-emendi fil-liġi se jkomplu jiżdiedu l-opportunitajiet għal aktar ħajjiet ġodda, anke bl-użu ta’ teknoloġija avvanzata.

F’dawn l-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid Laburista, rajna tinżamm il-wegħda li jinbeda l-proċess biex art fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefsa, art fil-Kottonera li kellha tinbena mill-American University of Malta se tingħata lura lin-nies filwaqt li SmartCity se tibqa’ tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna.

Barra minn hekk, ġie approvat l-abbozz ta’ liġi dwar il-femiċidju. L-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali kien tressaq għad-diskussjoni wara l-elezzjoni ta’ Marzu li għadda u se jipprovdi dwar il-piena għall-omiċidju volontarju u għal attentat ta’ omiċidju volontarju meta dan ikun femiċidju jew attentat ta’ femiċidju. 

Minbarra t-twettiq ta’ dawn il-miżuri, li huma xhieda ta’ Gvern riformista li jaħseb mhux biss għal-lum imma anke għall-ġenerazzjonijiet futuri, il-Gvern kellu jħabbat wiċċu wkoll ma’ diversi sfidi. Wara sentejn ta’ pandemija, tfaċċat l-isfida tal-għoli tal-ħajja kawża tal-gwerra fl-Ukrajna. 

Il-Gvern mill-ewwel intervjena billi assorba hu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils u ntlaħqu ftehimiet mal-importaturi tal-qmuħ u oħrajn li minnhom gawdew il-bdiewa u r-raħħala tagħna.

B’dan f’moħħna nemmnu li għad fadal xi jsir. Konvinti li dawn l-ewwel jum ta’ Gvern ġdid Laburista ħallew ir-riżultati mixtieqa. Jeħtieġ iżda li nagħtu aktar kas tal-problemi li qed jolqtu l-familji fil-ħajja ta’ kuljum b’mod partikolari minħabba ż-żieda fl-għoli tal-prezzijiet.

Sport