Sunday, December 22, 2024

“Gvernijiet Soċjalisti dejjem wettqu ġid kbir fil-pajjiż”

Jesmond Marshall - Kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej f’isem il-Partit Laburista

Aqra wkoll

Jesmond Marshall, kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej f’isem il-Partit Laburista waqt li kien qiegħed jindrizza attività politika li saret f’Bormla qal li hu qatt ma ddejjaq jgħix li hu soċjalista anke meta kien jiġi mgħajjar.

Sostna li permezz tas-Soċjaliżmu pajjiżna għamel avanzi kbar fosthom bdiet tingħata l-pensjoni lil anzjani, kien hemm għall-ewwel darba l-paga minima u anke ngħata l-vot lin-nisa.

Marshall stqarr li l-Partit Nazzjonalista kienu dejjem jinsulentaw lil dawn kollha li kienu jagħmlu parti mill-partit soċjalista. “Issa bħal donnhom indunaw li s-soċjaliżmu hu l-aħjar għażla għal pajjiżna hekk kif qegħdin jgħidu li qed iħarsu lejn politika xellugija. Issa bil-kontra, qegħdin jgħidu li Gvern Laburista ma għadux Soċjalista,” tenna Jesmond Marshall.

Iżda sostna li meta Gvern jissusidja l-kontijiet tal-enerġija dak hu att soċjalista. Meta Gvern Laburista żamm lil poplu għaddej waqt pandemija dak ukoll hu att soċjalista. Qal li meta baġit wara baġit ma kien hemm l-ebda żieda fit-taxxi anke l-poplu ngħata aktar għajnuna dak ukoll hu att soċjalista.

Il-kelliem kompla jgħid li l-burokratiċi li hemm fi Brussell huma maqtugħin mill-polz tal-poplu. Stqarr li hu jrid jara li pajjiżna jibqa’ stat newtrali. “Jien kull min jipprova jdaħħal l-gwerra se nkun qiegħed kontrih. Ma rridx li uliedna jmorru jiġġieldu għal interessi ta’ ħaddieħor,” kompla jgħid Marshall f’Bormla.

Hu temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lil kulħadd biex f’Ġunju li ġej imorru jivvotaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

Ekonomija

Sport