Gwardji tas-Sigurtà tal-Arabja Sawdija qed jiġi akkużati mill-Human Rights Watch li kienu qatlu mijiet kbar ta’ immigranti waqt li dawn kienu fuq il-fruntiera mal-Yemen.
Ir-rapporti qegħdin jgħidu li dawn il-persuni, ħafna minnhom mill-Etijopja, kienu qegħdin jipprovaw jaħarbu minn żoni ta’ gewrra fil-Yemen meta l-forzi tal-Arabja Sawdija bdew jisparaw fuqhom bl-addoċċ.
Immigranti li tkellmu ma’ aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali qalu li mijiet ta’ persuni tħallew mejtin fuq il-fruntiera filwaqt li oħrajn spiċċaw midrubin u mhuma jingħataw l-ebda kura.
Fir-rapport “They Fired On Us Like Rain”, ippubblikat minn Human Rights Watch, jintqal li l-pulizija Sawdin saħansitra tefgħu splussivi biex joqtlu kemm jista’ jkun immigranti f’daqqa.
Mustafa Soufia, wieħed mill-immigranti li rnexxielu jsalva, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet BBC li hu flimkien ma’ numru ta’ immigranti waqt li kienu fuq il-fruntiera, il-gwardji Sawdin bdew jisparaw fuqhom bl-addoċċ. Soufia qal li b’kollox inqatlu 45 persuna mill-grupp tagħhom. Hu kompla jgħid li “fil-paniku lanqas indunajt li kont intlaqatt minn splussiv, iżda xħin ippruvajt inqum indunajt li parti minn sieqi ma kinitx hemm”.