Wednesday, December 25, 2024

GWERRA FL-UKRAJNA

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur il-gwerra fl-Ukrajna ħadet xejra surreali. B’ħafna tqanżieh militari li qed jiswielhom imwiet sostanzjali ta’ suldati, ir-Russi baqgħu javvanzaw bil-mod fl-inħawi fejn qed jinvadu l-Ukrajna.

Min-naħa tagħhom l-Ukreni “invadew” parti bi ftit valur strateġiku fir-Russja u ħejjew pjan ta’ “rebħa”. Jinkludi l-kondizzjoni li n-NATO tistieden lill-Ukrajna ssir membru tagħha – miżura li jekk titwettaq, żgur iżżomm lir-Russja deċiża li tkompli “sal-aħħar” .

Sadattant il-poteri tal-Punent isostnu lill-Ukrajna b’fondi u b’materjal militari, imma qatt biżżejjed biex ilaħħqu sa xi mossa deċiżiva. Għalkemm l-Ukrajna spiċċat għal kollox stat klijent tal-Punent, kollettivament il-pajjiżi membri tal-blokk qed iħalluha militarment imdendla. Ħafna miċ-ċittadini tagħha qed jgħajjew għall-mewt.

Dnub li l-pajjiżi li jistgħu jservu ta’ medjaturi (jiddejqu kemm jiddejqu l-Istati Uniti u l-alleati tagħhom) mhumiex ikunu proattivi f’das-sens. Il-pajjiżi huma t-Turkija, l-Indja u ċ-Ċina.

VALURI

Hi ħaġa interessanti kif f’Malta u lil hinn minnha, isiru riferenzi għall-valuri fuq kull livell: politiku, ekonomiku, diplomatiku, reliġjuż. Dan mhux illum biss imma kważi minn dejjem. Interessanti wkoll kemm jiġri ta’ spiss li fl-istess żmien li jiġu proklamati, l-istess valuri jiġu injorati jew applikati skond kif jaqbel. Per eżempju:

F’livell politiku: “Il-ħarsien tal-ambjent naturali u urban irid jiġi sostnut fl-aħjar interess taċ-ċittadini…” Mal-istess nifs, jinħarġu permessi ta’ “żvilupp” li jaġevolaw lin-negozji l-kbar.

Fl-ekonomiku: “Il-kompetizzjoni hi l-aqwa xprun tal-iżvilupp modern.” Imbagħad jekk tqum kompetizzjoni f’oqsma mitqiesa f’daqqa waħda bħala “strateġiċi”, minnufih jidħlu sanzjonijiet u proibizzjonijiet.

Fid-diplomatiku: “Id-dritt tal-gwerra għandu jiġi rispettat.” Imma meta Iżrael jiksru bl-aktar mod sfaċċat, il-potenzi tal-Punent forsi “jiddeploraw”, imma jibqgħu għaddejja.

Fir-reliġjuż: “M’għandux ikun hemm esplojtazzjni tad-dgħufijiet tal-bniedem għar-raġunijiet ta’ gwadann.” Malta daħlet bil-kbir fl-industrija tal-imħatri imma qatt ma ssemmgħet xi twissija reliġjuża.

FERTILITÀ

Mal-maġġoranza tal-pajjiżi … miċ-Ċina sal-Istati Uniti sal-Ewropa (Malta inkluża) u bl-eċċezzjoni tal-Indja, il-fertilità qed tonqos. Sa ftit deċennji oħra, il-popolazzjoni tad-dinja hi mbassra li se tonqos kontinwament.

L-istess prosperità ekonomika li nkisbet, taħti għal dan – qalulna. Parti mir-raġuni għal dil-prosperità ġejja mill-fatt li nisa w irġiel kollha deħlin jew daħlu fid-dinja tax-xogħol immexxija mir-regoli tas-suq. In-nies għandhom anqas żmien biex irabbu familja, għandhom aktar flus x’jonfqu ħalli jgħixu ħajja aħjar, m’għandhomx bżonn daqstant ta’ tfal li jkunu hemm għalihom meta jsiru anzjani.

Uħud jilmentaw (bir-raġun) li dinja b’anqas tfal tkun dinja anqas pjaċevoli u se twassal bil-mod il-mod għat-tmiem tal-umanità fuq dil-pjaneta. Sadattant ħafna speċje oħra wkoll qed jonqsu fin-numru u jistgħu jisparixxu. L-eċċezzjoni huma ċerti insetti, fosthom in-nemel u l-wirdien.

Ekonomija

Sport