Sunday, March 22, 2026

GWERRA U PAĊI

Aqra wkoll

Inevitabbilment matul is-sekli, l-modi kif il-popli jmexxu l-gwerra kontra xulxin, inbidlu. L-aktar żvilupp ċar f’dan sar f’kif bl-armi li ntużaw minn seklu għall-ieħor, l-imwiet baqgħu jiżdiedu bil-kbir – fost il-ġellieda involuti, u fost pajżani involuti jew le: fl-aħħar mitt sena speċjalment, bħal bl-isplużjonijiet nukleari ta’ Hiroshima u Nagasaki.

Aktar qrib lejn żmienna, il-metodi kif tmexxi gwerra żviluppaw qatigħ fit-teknoloġija ta’ kif twassal splussivi b’żunżan elettroniku, li jitmexxa mill-bogħod, b’informazzjoni klandestina dwar l-għadu miġbuda minn satelliti spazjali u mill-mezzi elettroniċi li jikkontrollaw il-kumnikazzjoni bejn entijiet importanti.

Sadattant, l-aktar metodi li rnexxew sa issa li bihom nġabet il-paċi u ntemmet il-gwerra kienu tnejn: naħa tirbaħ lill-oħra fi gwerra “totali” imma jirnexxilha twettaq wara, programm ta’ rikonċiljazzjoni mitqies xieraq min-naħa li ssofri d-disfatta; għal raġuni jew oħra, jiġi miftiehem trattat ta’ paċi li jagħti raġun lil naħa, waqt li jħalli lin-naħa l-oħra ftit jew wisq sodisfatta b’li tibqa’ bih.

IL-VOTI MITLUFA

Interessanti ssegwi x’qed jgħidu diriġenti tal-partiti politiċi – jew x’qed jgħidu fuqhom rapporti fil-medja – dwar it-tħejjijiet għall-elezzjoni ġenerali li riesqa, jew tidher li riesqa. 

Iż-żewġ naħat donnhom preokkupati bil-voti li kienu tagħhom u ma baqgħux jew mhumiex żguri li baqgħu. Qed jintqal li se jiffokaw fuqhom… waqt li jsostnu (ma jistgħux jagħmlu mod ieħor) … li b’xejn mhuma minħabba f’hekk, se jinsew lill-kategoriji l-oħra tal-elettorat. 

Dak li qed jgħidu jagħmel sens. Biss malajr iqum is-suspett: Ma tkunx mossa aktar effettiva kieku partit, hu liem’hu, jikkonċentra fuq diskors b’lingwaġġ li jippreżenta viżjoni waħda nazzjonali? Din tinkorpora fiha lill-oqsma kollha tal-poplu, anke taħt slogan wieħed nazzjonali… 

OTTIMIŻMU

Hi ħaġa tajba li l-gvern fl-istqarrijiet tiegħu jara kif isostni l-fiduċja tal-poplu f’kuntest fejn l-aħbarijiet ta’ gwerra mifruxa bilfors joħolqu klima ta’ inkwiet u biża’ li s-sitwazzjoni se taggrava. L-akbar sors ta’ inkwiet… imma mhux hu waħdu… ġej minn kif qed jiċċaqalqu l-prezzijiet taż-żjut u tal-gass. “Kollox” jindika li se jiżdiedu bil-kbir. 

L-intervent tal-gvern biex juri li lest jidħol b’sussidji ħalli ma jħallix il-prezzijiet tal-enerġija jisplodu kien siewi. Dan jagħti serħan il-moħħ li ċ-ċittadini u l-familji mhumiex se jitħallew jiffaċċjaw “waħidhom” l-inflazzjoni riesqa. Aktar u aktar għax il-gvern saħaq li għandu r-riżorsi meħtieġa biex jilqa’ għal x’jista’ jinqala’.

Biss, forsi hawn li żbalja. Malajr tista’ tinfirex il-fehma (mhux biss fost iċ-ċittadini imma anke fost l-azjendi kummerċjali) li ninsabu koperti akkost ta’ kollox. U allura nistgħu nibqgħu sejrin bil-ħajja “tas-soltu”, inkluż fl-isparpaljar u l-ħela tar-riżorsi tagħha…

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport