Wednesday, December 25, 2024

Gwida online għal kuntratti tax-xogħol skont setturi speċifiċi fl-industrija

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar li qed titnieda sezzjoni ġdida fl-online portal tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol (DIER) li tinkludi templates bla ħlas ta’ kuntratti tax-xogħol skont setturi speċifiċi tal-industrija.

L-għan ewlieni tal-portal huwa li jservi ta’ gwida għall-partijiet involuti primarjament min iħaddem u l-impjegat biex jimxu fuq il-kundizzjonijiet maqbula skont il-liġi tax-xogħol. Parti kbira mil-liġi tax-xogħol Maltija hija bbażata fuq il-ftehim kuntrattwali li jsir bejn min iħaddem u l-impjegat u għaldaqstant huwa essenzjali li l-partijiet ikollhom punt ta’ riferiment fuq il-kundizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu fil-kuntratt tax-xogħol anki f’każ ta’ tilwima jew nuqqas ta’ qbil dwar it-termini tal-impjieg, fejn iż-żewġ partijiet jistgħu jirreferu għall-kuntratt tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul stqarr li permezz ta’ din l-inizjattiva issa l-ħaddiema ser ikollhom aktar għarfien ta’ x’inhuma d-drittijiet tagħhom u b’hekk il-ħaddiem jista’ jitlob il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati. Huwa tenna li “L-għan tagħna huwa li naraw li l-ħaddiema, huma min huma, u ġejjin minn fejn ġejjin, ikunu konoxxenti mija fil-mija tad-drittijiet tagħhom. Aħna rridu li d-drittijiet li fl-aħħar żminijiet saħħaħna, ikun jista’ jgawdihom kulħadd. U għalhekk din l-inizjattiva tal-lum.”

Is-segretarju parlamentari żied jgħid li din l-inizjattiva tgħin ukoll lil min iħaddem speċjalment dawk il-kumpaniji b’operat żgħir u li ma jkollhomx persuni ingaġġati magħhom responsabbli mir-Riżorsi Umani kif ukoll negozi ġodda (start-ups), għaliex dawn ser ikunu qegħdin jevitaw spejjeż żejda fejn ikollhom jirrikorru għall-persuni terzi sabiex ifasslu kuntratti tax-xogħol.

Min-naħa tagħha, id-Direttur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi Diane Vella Muscat spjegat li l-portal se jinkludi l-kundizzjonijiet minimi settorjali tal-impjieg u wieħed jista’ jaċċessa direttament is-settur partikolari fejn jopera jew jaħdem. Hija spjegat li apparti s-setturi skont id-diversi Wage Regulation Orders hemm templates differenti biex jintlaħqu l-eżiġenzi tal-partijiet, inkluż kundizzjonijiet fuq bażi full-time definit/indefinit u dawk part-time definit/indefinit.

“Il-portal joffri wkoll linji gwida u spjegazzjonijiet mil-liġi ta’ kif għandhom jimtlew il-kuntratti tax-xogħol rispettivi. Dan sar sabiex jiġi ffaċilitat it-tfassil tal-kuntratti tax-xogħol kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-impjegati jingħataw l-intitolamenti korretti,” temmet tgħid Diane Vella Muscat.

Ekonomija

Sport