Sunday, May 5, 2024

Lhud imġiegħla joqtlu Lhud…

L-atroċitajiet li għamlu n-Nażisti m’għandhomx jintnesew ħalli nitgħallmu minnhom u nevitaw li jerġgħu jsiru

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Huma ftit l-ismijiet jew kliem li jagħtu dik is-sensazzjoni ta’ biża’ kbira bħalma hija “Auschwitz”. Meta persuna tlissen din il-kelma, rari għandha għalfejn tispjega xi trid tgħid jew għal x’hiex qiegħda tirreferi. “Auschwitz” hija assoċjata ma ġrajjiet tal-waħx, tifkiriet tal-mistħija, tifkiriet li l-umanità qatt m’għandha tinsa biex b’hekk titgħallem mill-iżbalji tal-passat u tassigura li l-Istorja ma terġax tirrepeti ruħha. Dawn l-istess tifkiriet batewhom nies innoċenti għax sempliċiment kienu Lhud. Nazzjon li batiet atroċitajiet minn taħt idejn in-Nażisti fl-isterminazzjoni ta’ sitt miljun minnhom fejn anke waslu biex ġiegħlu Lhud stess “joqtlu” lil ħuthom Lhud, ħaġa krudili għall-aħħar u inkonċepibbli.

Il-kelma Auschwitz, li hija kapitlu maġġur fl-Olokawst u dak kollu li ġara fit-Tieni Gwerra Dinjija, saret sinonima mal-agħar orrur fl-Istorja umana. L-isem Ġermaniż Auschwitz għal-lokalità fil-Polonja, Oswiecim li jinsab madwar 40 mil fil-Punent ta’ Krakow, kien l-aħħar post li kienu fih 1.1 miljun nisa, irġiel u tfal qabel ma nqatlu. Magħhom mietu miljuni oħra u proprju llum infakkru dan il-ġenoċidju ta’ dan il-ġens li safa mira tan-Nażisti għax, kif qal il-President tal-Iżrael fl-indirizz tiegħu lill-Parlament Ewropew, “dawn mietu għax sempliċiment kienu Lhud”.

Il-Ġnus Maqgħuda tonora lill-vittmi u tqajjem għarfien

Is-27 ta’ Jannar 2023 huwa t-78 anniversarju mill-ħelsien ta’ Auschwitz-Birkenau, l-akbar kamp ta’ konċentrament Nażist. Ta’ kull sena l-Ġnus Magħquda (UN) tfakkar dan il-jum internazzjonali għall-kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst (International Day of Commemoration in Memory of the Victims of the Holocaust). Proprju fis-sala tal-Assemblea Ġenerali mexxejja distinti jindirizzaw it-tema li għal din is-sena li hija “Home and Belonging” li tqajjem għarfien dwar l-umanità tal-vittmi tal-Olokawst u dawk li rnexxielhom isalvaw minn ħalq il-mewt, kif ukoll biex nifhmu t-tbatija kbira li għaddew minnha meta lil dawn in-nies ittieħdilhom kollox, inkluż djarhom.

Il-Ġnus Magħquda tfakkar kif il-vjolenza tal-esklużjoni bdiet b’informazzjoni qarrieqa u kliem ta’ mibgħeda li wasslet għal inġustizzji u diskriminazzjoni kif ukoll marġinalizzazzjoni li wasslet għal ġenoċidju. It-tema tfakkarna fir-responsabbiltà tagħna li nuru kompassjoni u ngħinu lill-vittmi ta’ atti kriminali atroċi, biex niġġieldu l-kliem ta’ mibgħeda, biex niġġieldu l-anti semitiżmu u l-preġudizzju.

Il-Ġnus Maqgħuda trid li dak li ġara jkun irrakkontat korrettement u li ma jibqax ikun hemm min jgħid li dawn l-atroċitajiet ma seħħux jew li jkun hemm xi tgħawwiġ tal-fatti. Dan il-jum internazzjonali jsir bil-għan li nonoraw lill-vittmi u mod kif wieħed jidħol fiż-żarbun tagħhom u jifhmu dak kollu li għaddew minnu.

Din is-sena għażilna li nagħtu ħarsa lejn grupp partikolari minn dawn il-vittmi. Vittmi li nqishom vittmi doppji minħabba l-fatt li kienu Lhud priġunieri huma wkoll li barra li kienu jafu li huma wkoll xi darba jew oħra se jinqatlu min-Nażisti, sakemm dan il-jum jasal, kienu mġiegħla jipparteċipaw fil-proċess tal-qtil tan-nies tagħhom stess fil-kampijiet ta’ konċentrament f’Aushwitz. Dawn il-Lhud kienu dak li l-Ġermaniżi kienu jseħulhom bħala s-“sonderkommando”.

Il-priġunieri ħaddiema…

L-ewwel krematorju f’kamp Nażist f’Auschwitz beda jopera f’Awwissu tal-1940. Hawnhekk grupp żgħir ta’ priġunieri Pollakki ntagħżlu biex jaħdmu fih. Dawn l-impjegati oriġinarjament ma kienux meqjusa bħala unita speċjali, jiġifieri “sonderkommando”, iżda bħala “krematoriumheizer” li tfisser operaturi tal-krematorju.

Minħabba li l-użu ta’ dawn il-kmamar tal-mewt żdied u magħhom il-mortalità tal-vittmi, fir-rebbiegħa tal-1942, grupp żgħir ta’ priġunieri Lhud inbagħtu jaħdmu fihom fostom Filip Muller u Waclaw Lipka. Dawn il-ħaddiema kienu jgħixu fi blokok residenzjali fil-kampijiet tal-konċentrament stess mentri l-ħaddiema Lhud kienu jgħixu iżolati f’ċelel apposta.

Minn rakkonti ddokumentati jingħad li “l-ewwel xhur tal-1942, KL Auschwitz sar is-sit għas-soluzzjoni finali tal-problema tal-Lhud”. It-trasport tagħhom, organizzat mill-Ġermaniżi, kien tal-massa permezz ta’ ferrovijii li kienu jwassalhom sal-kamp ta’ Birkenau.

Il-Lhud kienu jaslu f’din id-destinazzjoni kienu jittieħdu fil-kmamar tal-gass u jinqatlu grupp wara l-ieħor, liema atroċitajiet huma dokumentati fil-“Bunkers I u II”. Il-kadavri mbagħad kienu jinġarru fuq l-idejn lejn qabar tal-massa. Mis-sajf tal-1942 l-ammont ta’ Lhud maqtula tant żdiedu li l-kadavri tagħhom bdew jinħarqu.

Is-sonderkommando kienu Lhud żgħażagħ li l-maġġorparti tagħhom kellhom bejn l-20 u l-25 sena, ġejjin minn għadd ta’ pajjiżi Ewropej magħżula mill-SS Ġermaniż. Ir-rekwiżit prinċipali għal dan il-“grupp speċjali” kienet is-saħħa fiżika biex ikunu ħfief fil-ħidma tagħhom. L-identità ta’ dawn il-priġunieri li kienu parti mis-sonderkommando kienu f’idejn il-Politische Abteilung (il-Gestapo tal-kamp stess). Dawn kienu trattati bħala “geheimnstrager” (persuni li jżommu s-sigrieti) u bil-kemm kien hemm dokumentazzjoni dwarhom.

Xogħol krudili li kellhom  jagħmluh ta’ bilfors

Dawn is-sonderkommando kienu huma stess priġunieri u kienu jafu li l-jum li fih se jinqatlu mill-Ġermaniżi għad jasal għalihom ukoll. Iżda, fil-perjodu li kienu wżati biex jaħdmu fil-kmamar li fihom il-poplu tagħhom stess kien qiegħed jinqatel, dawn kellhom xogħol speċifiku x’jagħmlu.

Dawn kienu jassistu lill-persuni deportati biex jinżgħu l-ħwejjeġ bi preparazzjoni fittizja li se jinħaslu; jidentifikaw u joħorġu mill-kmamar lil dawk li juru sinjali ta’ ansjetà biex wara jżommuhom waqt l-eżekuzzjoni fuq barra tal-bini; ineħħu oġġetti personali minn fuq il-kadavri inklużi snien tad-deheb, molol tax-xahar u jaqtgħu xahar in-nisa; jaħslu l-kamra tal-gass wara l-eżekuzzjonijiet; jittrasportaw il-kadavri lejn il-krematorju; jippreparaw l-injam tal-inċeneratur u jaħarqu l-kadavri; jikkontrollaw it-temperatura wżata fl-inċineratur; jittrasportaw l-irmied uman u jkissru għadam kbir li jkun għad fadal; idewbu d-deheb u jqassmu oġġetti ta’ valur kif ordnati min-Nażisti.

Huwa xokkanti li taqra x-xogħol li kienu jagħmlu dawn il-ħaddiema priġunieri u dan anke kieku n-nies li spiċċaw maqtula ma’ kienux ġenshom. Jingħad li fost dawn is-sonderkommando kien hemm min ingħata ordnijiet biex joqtol personalment membri tal-familja tiegħu stess. Ordni bħal din żgur li kompliet tkisser u żżid mal-miżerja ta’ dawn il-ħaddiema priġunieri.

Kienu jiżolawhom biex ma jkollhomx kuntatt mal-priġunieri l-oħra…

L-ammont ta’ dawn il-priġunieri ħaddiema kien jinbidel għax kien jiddependi minn kemm kien isiru qtil tal-massa. Fl-1942 u l-1943 is-sezzjoni tas-sonderkommando kienet magħmula minn madwar 400 priġunieri. Fil-bidu tal-1944 dawn niżlu għal madwar 200 mentri fix-xhur tas-sajf dawn kienu jilħqu mat-870 ħaddiem. Biss biss, f’nofs is-sena tal-1944 seħħet dik magħrufa bħala l-kampanja Ungeriża fejn ta’ kuljum kienu jinqatlu eluf ta’ Lhud mill-Ungerija waħidha.

Huma kienu iżolati mill-bqija tal-priġunieri l-oħra apposta iżda minkejja l-projbizzjoni, bil-moħbi dawn kienu jaraw kif jgħinuhom b’ikel, mediċini u affarijiet essenzjali żgħar oħra. Is-sonderkommando kienu jgawdu minn kundizzjonijiet ftit aħjar biex jibqgħu b’saħħithom u effiċjenti f’xogħlhom.

F’kitba jingħad li, “il-membri ta’ din l-iskwadra speċjali kienu assolutament konxji dwar id-destin tagħhom. Bħala xhieda tal-atti kriminali magħmula mill-Ġermaniżi, kienu jafu li qatt mhuma se jkunu liberi. Aktar minnhekk, minħabba l-biża’ li jitkeċċew minn xogħlhom, kienu jippruvaw jaħarbu iżda minkejja attentati, ebda pjan ta’ dan it-tip ma ġie eżekwit b’suċċess”.

Kitba dwar l-esperjenzi tagħhom instabet wara l-Gwerra

Minħabba li kienu jafu li l-SS kien lest jagħmel minn kollox biex ma titħalla ebda traċċa tal-atti kriminali min-Nażisti, il-priġunieri sonderkommando kienu bil-moħbi jiktbu l-esperjenzi tagħhom u dak li kien jiġri fil-krematorju. Dawn kienu jaħbuhom taħt l-art fil-btieħi tal-kampijiet u wħud minnhom instabu wara l-Gwerra fosthom dawk minn Zalmen Lewental, Zalmen Gradowski, Lejb Langfus u Chaim Cherman.

Barra d-dokumentazzjoni tal-atroċitajiet li seħħu quddiem għajnejhom, is-sonderkommando kienu wkoll ippruvaw iqajmu rewwixta fil-kamp. Kien irnexxielhom jiddubbaw esplossiv minn priġunieri impjegati fil-fabbrika tal-kostruzzjoni bil-għan li jeqirdu l-installazzjonijiet tal-krematorju. Barra l-isplussiv il-pjan kien li jintużaw skieken u oġġetti oħra għar-ribeljoni kontra n-Nażisti.

Fil-Ħarifa tal-1944 l-SS beda jeħles mill-priġunieri sonderkommando u l-ewwel grupp li qatlu kien ta’ 200 ħaddiem. Meta fis-7 ta’ Ottubru tal-1944 l-awtoritajiet tal-kamp ipprovaw joqtlu grupp ieħor ta’ sonderkommando, dawn ippruvaw iqumu kontrihom. Waqt ir-ribeljoni l-priġunieri nġabru fil-bitħa quddiem il-Krematorju IV, attakkaw lill-gwardji u taw in-nar il-kamra fejn kienu jbiddlu. It-truppi tal-SS fetħu n-nar fuq ir-ribelli fejn fil-bitħa stess, qatlu l-maġġoranza tagħhom. Dawk  li rnexxielhom jaħabru nqatlu ftit wara b’tiri ta’ machine guns. Din ir-ribeljonii swiet il-ħajja ta’ 450 sonderkommando u tliet uffiċjali tal-SS.

Minħabba din ir-ribeljoni, għadd ta’ priġunieri sonderkommando u dawk li tawhom l-isplussivi spiċċaw mal-bqija tal-Lhud fil-kampjiet tal-konċentrament sakemm huma wkoll inqatlu. L-isterminazzjoni tal-massa tal-Lhud fil-KL Auschwitz kienet twaqqfet mill-Ġermaniżi f’Novembru tal-1944. L-awtoritajiet tal-SS iddeċidew li jżarmaw il-krematorju f’Birkenau u l-priġunieri sonderkommando nqabdu jżarmaw l-apparat u jkissru l-krematorji.

Kienu biss bejn 40 sa 50 minnhom li rnexxielhom isalvaw

Grupp ta’ 70 priġunieri oħra ntgħażlu fit-28 ta’ Novembru 1944 u ttieħdu f’kamp ieħor. Il-priġunieri Pollakki li kienu l-aħħar li ħadmu fil-Krematorju I kienu ġew isseparati mill-gruppi l-oħra u fil-bidu ta’ Jannar tal-1945 dawn ittieħdu lejn KL Mauthausen fejn inqatlu ġimgħatejn qabel il-liberalizzazzjoni tal-kamp.

L-aħħar grupp ta’ dawn il-ħaddiema kien ta’ 100 sonderkommando li minkejja huma wkoll kienu se jinqatlu, grazzi għall-għajnuna ta’ nies oħra, kien hemm minnhom li rnexxielhom isalvaw. Huma tħalltu mal-bqija tal-priġunieri u grazzi għal dan il-pass, madwar 40 sa 50 minnhom salvaw mill-Gwerra. Ir-Russja kienet għamlet investigazzjoni dwar l-atti kriminali minn Ġermaniżi Nażisti u l-agressuri faxxisti. Fl-inkjesta u l-ġuri tal-eks kmandant tal-KL Auschwitz, Rudolf Hoss, l-eks priġunieri sonderkommando Henryk Tauber, Szlomo Dragon u Henryk Madelbaum kienu fost ix-xhieda.

Tajjeb li jingħad li dawn is-sonderkommando kienu involuti f’attivitajiet ta’ kommemorazzjoni u edukattivi. Huma kitbu ħafna, inklużi kotba, dwar dak li raw u esperjenzaw u għenu biex ikollna t-tagħrif li għandna llum il-ġurnata dwar il-funzjonijiet li kellhom il-kmamar tal-gass u l-krematorji f’KL Auschwitz.

Dawn il-ħaddiema priġunieri Lhud, li kienu mġiegħla jaħdmu għan-Nażisti fil-kampijiet tal-konċentrament, fil-kmamar tal-gass u fil-krematorji kienu wkoll vittmi tal-atroċitajiet li seħħu fit-Tieni Gwerra Dinjija u llum infakkru lilhom ukoll.

Sport