“Ma nistgħu nħallu lil ħadd waħdu.” Hekk iddikjara il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, f’intervista fil-Kalkara.
Dr Abela qal li kif kien dieħel għal din l-attività politika, iltaqa’ ma’ omm u missier li kellhom tewmin permezz tal-IVF.
“Jien u dieħel iltqajt ma’ koppja li kellhom f’idejhom żewġt itfal, missier u l-omm, u qaluli “Prim twins, IVF babies”. Nistqarr li mtlejt b’sens ta’ ferħ u emozjoni, li twieldu s-sena li għaddiet u tgħid li bis-saħħa tal-kuraġġ li kelna minkejja li kelna l-maltemp kollu kontrina, illum għandna l-elf tarbija. L-ewwel deċiżjoni li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni tal-lum bħala Membru Parlamentari kienet vot kontra l-IVF, l-ewwel deċiżjoni. Qegħdin hawnhekk magħna filfatt,” kompla jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.
Kompla spjega li Gvern ġdid Laburista se jibda jħallas għat-terapija tat-tfal b’diżabilità taħt it-18-il sena. B’din il-miżura se tkun minn tal-bidu li tidħol fis-seħħ taħt Gvern ġdid Laburista.
L-għażla fl-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju li ġej hi importanti, hekk kif il-Maltin u l-Għawdxin iridu jivvotaw għall-kompetenza, il-kredibbilità u r-responsabbilità fit-tmexxija tal-pajjiż.
Innota kif il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi l-affarijiet, b’numru ta’ żbalji.
“Illum ngħalqu tliet ġimgħat ta’ kampanja, ħaddieħor, il-proposti tiegħu mill-inqas jibdilhom tliet darbiet kuljum biex jikkoreġi lilu nnifsu, jiena nistaqsikom li f’dawn it-tliet ġimgħat, il-midja tistaqsi fuq il-costings u iktar, smajtu lil Clyde, lili jew lil Silvio nagħmlu żball wieħed, wieħed li hu wieħed?,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela.
Intant, waqt l-istess attività politika fil-Kalkara tkellmu żewġ kandidati f’isem il-Partit Laburista, Francesca Zarb, Deborah Schembri u Carlos Zarb.
Francesca Zarb stqarret li “l-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Int Malta’, mhux talli jtik, talli ma joħodlokx”. Kompliet tgħid li l-Prim Ministru jwettaq dak li jwiegħed u dan hu xhieda ċara tal-manifest elettorali.
Zarb qalet kif il-manifest ‘Int Malta’ huwa maħdum min-nies għan-nies, bil-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tiegħu Carlos Zarb qal hu iben il-ħaddiem u fuq kollox żagħżugħ b’għeruq soċjalisti.
Qal kif minkejja li hu avukat, jibqa’ jemmen fl-għeruq tiegħu għax ġej minn fejn ġej, int ukoll tista’ tasal bis-saħħa tal-Partit Laburista.
Kompla jispjega li filwaqt li hu għad għandu 24 sena, jiftakar sew il-bidliet u l-investiment li għamel Gvern Laburista fl-edukazzjoni, fl-istudenti u fiż-żgħażagħ biex ikomplu jimirħu fl-edukazzjoni tagħhom.
Fl-intervent tagħha Deborah Schembri qalet li l-Partit Laburista fil-Gvern se jibqa’ jagħmel il-ħolm ta’ kull Malti u Għawdxi, il-proġett tiegħu
Stqarret li għandha fiduċja assoluta fil-Prim Ministru Robert Abeba għax iwettaq dak li jwiegħed u dan għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li l-anqas l-affarijiet żgħar ma jwettaq.
Schembri saħqet li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss l-għażla hija ċara u din hija li l-elettorat jerġa’ jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista biex ikun jista’ jwettaq il-manifest “Int Malta”.
Waqt l-intervista fil-Kalkara Dr Robert Abela kompla jispjega l-viżjoni tal-Partit Laburista permezz tal-manifest ‘Int Malta’, fejn Gvern ġdid Laburista jwettaq aktar milli jwiegħed.
“Aħna nwegħdu inqas minn dak li nwettqu u dik il-prova tal-leġiżlatura li għaddiet, f’diversi istanzi wegħdna tant, tajna aktar, wegħdna tant, u tajna aktar u aktar. Mela nwegħdu kollox lil kulħadd imbagħad f’kull presentation mimlija żbalji,” temm jgħid il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela.

