Monday, May 18, 2026

“Id-domanda li trid tiġi mwieġba fit-30 ta’ Mejju hi dwar min għandu l-kredibiltà li jwettaq dak li jwiegħed”- Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Meta mistoqsi dwar ir-responsabbiltà li jinżammu l-wegħdiet elettorali, il-Prim Ministru ddikjara li din hi kwistjoni ta’ kredibilità. Qal li d-domanda li trid tiġi mwieġba fit-30 ta’ Mejju li ġej hi dwar min għandu l-kredibiltà li jwettaq dak li jwiegħed u fuq kollox min għandu l-kompetenza.

Dr Abela enfasizza li “l-kredibilità tagħna titkellem għaliha waħedha. Wegħedna tax cut ta’ €66 miljun. Tajna waħda ta’ €140 miljun u tajna t-tieni waħda saħansitra ikbar. Wegħedna żieda fil-pensjonijiet. Tajna aktar milli wegħedna. 

“Wegħedna żieda fiċ-children’s allowance, tajna aktar milli wegħedna. Imma f’kuntest fejn kellek pandemija u kriżi tal-enerġija. Tajna ’l fuq minn biljun ewro f’sussidji waqt li ħaddieħor qalilna li s-sussidji short lived. Wettaqna wkoll ir-riformi fl-IVF,” tenna l-Prim Ministru. 

Dr Abela nnota wkoll kif in-niċċa ekonomika ġdida li beħsiebu joħloq il-Kap tal-Oppożizzjoni hi l-pompa tal-petrol f’nofs il-baħar. Qal li dan il-Gvern qed iwieġeb b’investiment fil-Medtech li se joħloq 250 karrieri ta’ kwalità u b’investiment ieħor fis-settur tal-microchips. 

Dwar l-offshore fuel hub, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li din se tiġġenera €350 miljun fuq medda ta’ tliet snin. Dlonk il-Prim Ministru wieġbu u qallu li fil-preżentazzjoni li kien għamel il-PN b’rabta ma’ din il-proposta, kienu qalu li se jagħmlu €450 miljun fl-ewwel tliet snin u issa niżżluhom għal €350 miljun. “Tlifna €100 miljun oħra,” qal il-Prim Ministru. 

Dr Abela nnota wkoll kif meta l-Kap tal-Oppożizzjoni kien mistoqsi mill-ġurnalisti indipendenti x’inhuma l-financial forecasts, mhux talli ma kienx jaf kemm huma jekk jimplimenta l-manifest tiegħu imma ma jafx xi tfisser financial forecasts. “Għiduli jekk dan lilkom jagħtikomx is-serħan il-moħħ li dan il-kliem li qed jgħid se jwettqu?,” qal il-Prim Ministru. 

Min-naħa l-oħra, huwa qal li Gvern Laburista għandu track record li waqt pandemija u tliet gwerer, “żammejna l-ekonomija għaddejja, nafu fejn qegħdin u nafu fejn sejrin.”

Dwar l-ambjent, il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern ta lura Manoel Island u Forti Tigne’ lura lill-familji Maltin u Għawdxin. Ma’ dawn il-proġetti se jkun hemm ukoll dawk tal-White Rocks u Forti Campbell fost oħrajn. Tenna jgħid li s’issa wettqu 73 proġett ambjentali min-naħa tal-Ministeru tal-Ambjent “għax nemmnu verament fl-investiment ambjentali.” 

Dwar il-manifest elettorali tal-Partit Laburista “Int Malta”, il-Prim Ministru qal li dan il-manifest huwa kollu kemm hu mdawwar mal-aspirazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnkom. 

“Mhuwiex manifest li jwiegħed kollox lil kulħadd imma hu manifest li jpoġġu fuq qudiem nett il-wellbeing tagħkom. Li jiffoka fuq it-tijtib tal-kwalità tal-ħajja, oqsma importanti bħas-saħħa mentali, il-flessibilità fuq il-post tax-xogħol, bilanċ aktar robust bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħin tal-familja, fuq pagi aktar b’saħħithom u opportunitajiet aktar b’saħħithom. Għalhekk manifest hu kollu kemm hu imdawwar mal-ħolma tagħkom,” qal il-Prim Ministru.

Dwar l-edukazzjoni, il-Prim Ministru esprima t-twemmin sħiħ tiegħu li l-vjaġġ edukattiv huwa wieħed mill-aktar perjodi importanti tal-ħajja. Qal li l-edukazzjoni tagħtik iċ-ċavetta biex il-ħolm tiegħek jitwettaq.

Dr Abela qal li l-manifest fih inizjattivi ġodda għat-tfal fl-iskejjel anke minn etajiet bikrin, biex jieħdu ħsieb l-iżvilupp olistiku tagħhom, kemm dak akkademiku u dak formattiv ta’ karattru. Issir ukoll enfasi fuq is-saħħa mentali, fuq it-tagħlim tan-nutrizzjoni u fuq l-isport ġewwa l-iskejjel. Qal ukoll li se jkomplu jissaħħu s-servizzi li jingħataw kemm fil-livell post-sekondarju kif ukoll fl-Università b’aktar investiment fil-professjonisti.

Innota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-istipendji u fakkar li kien Gvern Laburista li żied l-istipendji bi 15% u jekk jingħataw il-fiduċja se jerġgħu jagħtu żieda oħra ta’ 15% fl-istipendji.

Filwaqt li rrikonoxxa li għandna l-aqwa faċilitajiet edukattivi f’pajjiżna, Dr Abela nnota wkoll li dan il-Gvern se jkompli wkoll jinċentiva biex aktar żgħażagħ imorru Erasmus. “Nemmen ħafna fikom,” qal il-Prim Ministru fl-isfond ta’ għajjat ta’ “Robert, Robert” u “Viva l-Labour”. 

Sadanittant, dwar il-kwistjoni tal-ħatra tal-Prim Imħallef u tal-Awditur Ġenerali, il-Kap Nazzjonalista Alex Borg qal li xħin irid lest ipoġġi bilqiegħda u jiddiskuti, “anke bħalissa stess.”

Hawn il-Prim Ministru nnota kif Alex Borg irid jiddiskuti dawn il-ħatriet anke waqt kampanja elettorali bil-Parlament jinsab xolt, u dan meta hu l-Parlament li jrid jieħu vot fuq dawn iż-żewġ karigi. 

Dr Abela qal li jemmen li ġaladarba jgħaddi t-30 ta’ Mejju, dak il-proċess irid jitkompla minnufih fil-każ taż-żewġ karigi. “Sal-lum għadni ma fhimtx għala proposta li jkollna għall-ewwel darba Prim Imħallef mara ġiet rifjutata. Inħares ’il quddiem biex naraw li naslu fuq dawn iż-żewġ karigi u oħrajn illi jeħtieġu ż-żewġ terzi,” qal il-Prim Ministru. 

Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni kienu mistoqsija wkoll jekk humiex favur li tinbena moskea oħra. Dr Abela qal li l-permess għall-moskea ġie rtirat u ma jarax li hemm lok ta’ ħtieġa ta’ moskea oħra filwaqt li ddikjara li ma jaqbilx li l-koran ikun fil-klassijiet tagħna. 

Min-naħa tiegħu, Dr Borg qal li “ma naqbilx li għandu jkompli jkollna dawn it-tip t’affarijiet. Li jkollok il-koran fil-klassi żgur li le.” 

Fl-istess dibattitu ħadu sehem ukoll Sandra Gauci f’isem l-ADPD, Arnold Cassola f’isem il-partit Momentum u Paul Salomone għall-partit Aħwa Maltin. 

Sandra Gauci qalet li jridu jwaqqfu r-riforma tal-ippjanar u li jixtiequ jkunu watch dog kif jintefqu l-flus tat-taxxi tagħna. Qalet ukoll li huma użaw il-kelma “lkoll” waqt din il-kampanja sabiex “ilkoll ikollna ċ-ċans, inti jkollok iċ-ċans għall-futur.”

Arnold Cassola stqarr li huwa qed isegwi l-proposti elettorali tal-PL u l-PN u qed jibqa’ “mbellaħ” bil-giveaways li qed jiġu mwiegħda ta’ kuljum. Enfasizza li Momentum qiegħda hawn biex tħares id-dritt bażiku taċ-ċittadini li jgħixu ħajja diċenti, b’aċċess ħieles għall-arja nadifa, ibħra mhux imniġġsa u spazji ħodor miftuħa.

Min-naħa tiegħu, Paul Salomone tenna li l-partit Aħwa Maltin ħareġ manifest li qed jaħseb għall-futur tal-Maltin, taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jixtiequ jibnu futur f’pajjiżna. Qal li bħala partit qed jimmiraw li ż-żgħażagħ fl-iskejjel mhux biss jiġu mgħallma suġġetti akkademiċi imma wkoll kif se jaffaċċjaw id-dinja hemm barra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport