Waqt żjara fl-Isptar Veterinarju Nazzjonali biex jaraw mill-qrib ix-xogħol li għaddej, il-Ministru Anton Refalo, flimkien mal-Ministru Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħabbru inizjattiva importanti fil-qasam tas-servizzi veterinarji permezz tat-twaqqif ta’ Taqsima Speċjalizzata għall-Isptar Veterinarju Nazzjonali, li se sservi bħala pedament għal governanza aktar soda u servizz ta’ kwalità ogħla. Din l-inizjattiva qed titwettaq ukoll f’kollaborazzjoni mal-MCAST biex jissaħħaħ l-użu koordinat tal-faċilitajiet eżistenti u jinħolqu sinerġiji bejn l-istituzzjonijiet.
Din it-taqsima, li se tkun immexxija minn Bord magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ Ministeri, se tkun responsabbli mis-sorveljanza u l-amministrazzjoni tal-operat tal-Isptar Veterinarju Nazzjonali, li se jopera bħala servizz pubbliku, inkluż bħala faċilità ta’ emerġenza li tipprovdi servizz 24 siegħa kuljum. Dan se jiżgura li s-sidien tal-annimali jkollhom aċċess kontinwu għal kura veterinarja essenzjali, speċjalment f’każijiet urġenti u speċjalizzati li jkollhom bżonn faċilitajiet apposta fi sptar veterinarju.
Il-Bord se jkun qed jipprovdi direzzjoni strateġika u jassisti fil-monitoraġġ tal-operat tal-isptar, filwaqt li jiżgura li l-proġett jaħdem id f’id mal-politika tal-Gvern u mal-interess pubbliku.
L-operat ta’ kuljum tal-isptar se jkun fdat f’idejn operatur privat b’esperjenza fit-tmexxija ta’ servizzi veterinarji, taħt kuntratt ċar u definit, filwaqt li t-Taqsima Speċjalizzata se tassigura monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni u l-konformità mal-obbligi kollha, dejjem fl-interess pubbliku. Dan il-mudell joffri bilanċ bejn effiċjenza operattiva u kontroll pubbliku b’saħħtu.
Barra minn hekk, l-isptar se jservi wkoll bħala ċentru ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni għall-istudenti tal-MCAST, fejn l-istudenti jkunu jistgħu jipprattikaw u jakkwistaw esperjenza prattika f’ambjent kliniku reali, b’enfasi partikolari fuq l-istudenti tal-korsijiet veterinarji tal-MCAST. Dan huwa investiment dirett fil-ħiliet u fil-professjonisti tal-futur.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-kwalità tas-servizzi veterinarji offruti u jsaħħaħ is-sistema b’mod sostenibbli. Huwa enfasizza li dan huwa pass importanti lejn sistema moderna u sostenibbli li tpoġġi l-ħtiġijiet taċ-ċittadini fiċ-ċentru. Huwa qal li l-inizjattiva hija wkoll investiment fil-futur, partikolarment permezz tal-element edukattiv li se jkompli jsaħħaħ il-ħiliet u l-kompetenzi fis-settur veterinarju.
Il-Ministru Refalo fakkar fis-servizzi ta’ emerġenza veterinarji li tnedew f’Jannar ta’ din is-sena, li diġà qed jipprovdu rispons immedjat u kruċjali f’sitwazzjonijiet urġenti, u qal li l-ftuħ tal-Isptar Veterinarju Nazzjonali se jkompli jibni fuq dawn is-servizzi, jespandi l-kapaċità u jtejjeb il-kwalità tal-kura offruta. Il-Ministru Refalo temm jgħid li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jaħdem b’mod integrat bejn setturi differenti biex iwassal servizzi aħjar u jsaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fakkar fil-ħidma li saret flimkien ma’ università barranija biex illum il-ġurnata hemm 15-il student u studenta li qed isegwu l-kors tal-Mediċina Veterinarja fl-MCAST. “Il-Masters fil-Mediċina Veterinarja fl-MCAST huwa l-ewwel kors tat-tip tiegħu li jippermetti lill-istudenti Maltin jirċievu l-warrant ta’ veterinarju lokalment, filwaqt li jiftaħilhom il-bieb biex jaħdmu fl-Ewropa. Il-kors tnieda fl-2024, bl-ewwel grupp ta’ studenti mistennija jiggradwaw fl-2029,” qal il-Ministru Grima. Huwa żied jgħid li l-kurrikulu jkopri wkoll is-saħħa pubblika veterinarja u l-farmakoloġija, u jipprovdi placements li jgħinu lill-istudenti jiksbu esperjenza professjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li dan il-proġett juri l-importanza li l-Gvern qed jagħti biex ikompli jinvesti f’servizzi moderni u professjonali għall-annimali, filwaqt li jsaħħaħ ukoll l-opportunitajiet edukattivi għall-ġenerazzjonijiet futuri. Hija sostniet li permezz ta’ dan il-proġett se tkompli titjieb il-kura veterinarja f’Malta u jiġi assigurat servizz aktar aċċessibbli, sostenibbli u ta’ kwalità għall-annimali u s-sidien tagħhom.
“Dan il-kors qed jagħti opportunità importanti lill-istudenti Maltin li għal snin twal kellhom jivvjaġġaw u jistudjaw barra minn Malta biex ikunu jistgħu jsegwu karriera fil-mediċina veterinarja. Illum, grazzi għal dan l-investiment, l-istudenti jistgħu jiksbu kwalifiki ta’ livell għoli f’pajjiżhom stess, filwaqt li jakkwistaw esperjenza prattika diretta f’ambjent kliniku professjonali. Dan mhux biss isaħħaħ is-settur veterinarju f’Malta, iżda qed ninvestu wkoll fil-professjonisti tal-futur u fis-servizzi ta’ kwalità li jixirqilhom l-annimali u s-sidien tagħhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.

