Monday, November 4, 2024

Gzira United ittrasformati fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Marsaxlokk………….0

Gzira U…………………3

Gzira United dehru ttrasformati fit-tieni taqsima u kisbu rebħa meritata ta’ 3-0 kontra Marsaxlokk.

Kienu x-Xlukkjari li ħarġu fuq l-offensiva u fil-11-il minuta Kristian Keqi minn ġol-kaxxa tefa’ għoli.

Il-kumplament tal-ewwel taqsima kien wieħed ikkaratterizzatt minn ħafna logħob f’nofs il-ground u nieqes minn kull emozzjoni.

Iżda kollox inbidel mal-ftuħ tat-tieni taqsima, bit-team talk tal-coach ta’ Gzira, Darren Abdilla, indubbjament tħalli l-effett mixtieq hekk kif fis-46 minuta huma fetħu l-iskor meta Maxuell Maia għadda tajjeb lejn JEFFERSON DE ASSIS li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.

U proprju erba’ minuti biss wara, huma rdoppjaw l-iskor meta minn cross mix-xellug ta’ Marcelo Dias, il-goalkeeper tax-Xlukkjari, Marko Drobnjak, ma ħatafx tajjeb, bil-ballun jintemm għand MAXUELL MAIA li mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.

Huma komplew fuq l-offensiva u fis-57 minuta, Toni Kolega kellu xutt ċentrali salvat tajjeb minn Drobnjak.

U tliet minuti wara, Jefferson de Assis, kien għoddu għamilhom tlieta għall-Maroons meta wara li approfitta minn żball fid-difiża ta’ Marsaxlokk, kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin imdawwar f’corner minn Emerson Vella.

Mill-corner li rriżulta, Toni Kolega, kellu x-xutt tiegħu salvat minn Drobnjak bi bravura, biex mir-rebound pront kien Maxuell Maia li kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin jistampa mal-mimduda, bix-Xlukkajri jeħilsuha ħafif.

Kulma jmur kompla d-dominu assolut tal-Maroons u fid-69 minuta, komplew ikabbru l-marġni tal-iskor biex issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal li wasal minn freekick mill-isbaħ ta’ GABRIEL BOHRER MENTZ li ma ta l-ebda ċans lil Drobnjak.

Gzira komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.

Marsaxlokk: 95-Marko Drobnjak, 7-Ayrton Attard (20-Peter Sammut 77), 9-Kristian Keqi, 17-Peter Xuereb, 21-Adrian Santiago Ferraris (77-Wellington Valentim De Sousa 81), 24-Juan Cruz Aguillar, 25-Oscar Carniello, 27-Leandro Aguirre, 30-Ryan Scicluna, 88-Dejan Vukovic (19-Emerson Vella 56), 99-Tiago Adan Finseca Coach: Pablo Doffo

Gzira U.: 30-Darijan Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 5-Luke Tabone, 7-Steve Pisani, 8-Zachary Scerri (11-Luis Ribeiro De Oliveira 73), 9-Marcelo Dias (4-Andrew Borg 82), 16-Luis Carlos Riascos (6-Nikolai Muscat 73), 22-Toni Kolega, 44-Marko Cosic, 91-Maxuell Maia (99-Izaak Ellul 89), 94-Jefferson De Assis (98-Jackson Mendoza 73) Coach: Darren Abdilla

Referee: Malcolm Spiteri

Ass. Referees: Roberto Vella, Shaun Calleja

Raba’ Uffiċjal: Ishmael Barbara

Skorers: J. De Assis 46, M. Maia 50, G. Bohrer Mentz 69 (G)

Ammoniti: A. S. Ferraris (M), L. C. Riascos, M. Cosic (G)

Player tal-Loghba: Maxuell Maia (G)

Sport