Wednesday, April 24, 2024

Mara taħfer lis-sieħeb tagħha wara li akkużatu li stupraha kemm-il darba

Aqra wkoll

Raġel kien illiberat mill-Qorti wara li mara li akkużatu li stupraha u taqqalha ħafritlu u ddeċidiet li twaqqa’ l-akkużi kontrih. 

Il-Maġistrat Rachel Montebello semgħet lill-mara tirtira l-akkużi tagħha meta ssejħet biex tixhed u għalhekk illiberat lir-raġel.

Il-Qorti semgħet kif il-pulizija bdiet tinvestiga l-każ meta rċeviet rapport mingħand il-mara Somala fejn allegat li s-sieħeb tagħha, ukoll mis-Somalja, kien stupraha diversi drabi x-xahar li għadda. 

Il-mara, li toqgħod fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, marret għand il-pulizija akkumpanjata minn social worker. Qalet li huma kienu ltaqgħu f’dan iċ-ċentru f’Novembru li għadda, tkellmu għal ftit ħin u mbagħad iddeċidew li joħorġu flimkien.

Qalet li huma marrru jieklu f’ristorant f’Marsaxlokk u wara saqu lejn Delimara bil-karozza tiegħu peress li kien jaħdem bħala xufier tat-taxi. Hija qalet lill-pulizija li “beda jmissha” iżda qaltlu li ma kinitx interessata sakemm ma jiżżewġux.

Qalet li l-imputat qalilha li setgħu jiżżewġu wara li jagħmlu s-sess, kif fil-fatt kienu għamlu dakinhar. Xi tliet ġimgħat wara ndunat li ħarġet tqila, u avżat lill-imputat li issa tassew kellhom jiżżewġu. Min-naħa tiegħu, huwa talabha biex tmur tgħix fl-appartament tiegħu f’Birżebbuġa. 

Qalet li l-ewwel żewġt iljieli kienet raqdet waħedha iżda mbagħad bdew jorqdu fl-istess sodda fejn għamlu s-sess. Hija ħarġet minn dik id-dar xi sitt ijiem wara. Hija marret tirrapporta s-Sibt li għadda, xahar wara li kienet iltaqgħet miegħu fejn allegat li ma kinitx tat il-kunsens tagħha għall-att sesswali u li kienet ġiet stuprata.

Fil-Qorti, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bil-prosekuzzjoni titlob lill-Qorti biex tippermetti lill-allegata vittma tixhed peress li kienu infurmati li riedet tirrinunzja għalkollox, anke minħabba l-fatt li hija tqila bit-tarbija tiegħu. 

Il-mara qalet lill-Maġistrat Montebello li min-naħa tagħha xtaqet li r-relazzjoni mal-imputat tkompli. “Il-familji tagħna solvew il-kwistjoni u se niżżewġu. Naħfirlu u lesta ninsa dawn il-proċeduri,” xehdet il-mara permezz ta’ interpretu. 

Wara li semgħet b’dan, il-Qorti ddikjarat li l-proċeduri bħala ‘li ġew fi tmiemhom’, li jfisser li l-imputat kien illiberat mill-akkużi kontra tiegħu.  

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Sean Gabriel Azzopardi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Joseph Busuttil. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat.

Sport