Thursday, December 26, 2024

Gzira United u Balzan jieħdu punt kull wieħed

Aqra wkoll

Gzira United …….1

Balzan …………….1

Gzira United u Balzan temmew fi draw ta’ 1-1  hekk kif dan ir-riżultat huwa meqjus bħala punt mirbuħ għal Balzan u tnejn mitlufa għal Gzira United. 

Dan hekk kif, bla dubju, il-Maroons kienu l-aħjar  team fl-ewwel taqsima minkejja li Balzan wettqu reazzjoni tajba fit-tieni taqsima u kellhom il-mumenti pożittivi tagħhom ukoll.

Kienu Gzira li ħarġu fuq l-offensiva u fis-sitt minuta, Brookyln Borg kellu xutt li ntemm ftit barra.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-26 minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor iżda wara li rċieva minn cross mix-xellug, Lucas Ma­cula, ma rnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun.

Żewġ minuti biss wara kellhom ferħa bla temma meta minn azzjoni ta’ corner Lucas Macula permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa iżda r-referee, Matthew Degabriele kien pront u ħassar il-goal minħabba li nnota foul fil-proċess.

Attakk wara l-ieħor, fid-39 minuta Gzira meritatament fetħu l-iskor meta LUCAS MACULA approfitta minn indeċiżjoni ta’ Jan Busuttil, avvanza tajjeb u permezz ta’ xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa għeleb għal kollox lil Danilo Golovic.

Balzan ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u fid-49 minuta xutt mid-distanza ta’ Nikola Braunovic intemm barra.

Gzira wieġbu fl-54 minuta meta Thaylor Aldama għad­da lejn Macula iżda t-tentattiv tiegħu ntemm barra. Mas-siegħa logħob, il-captain ta’ Gzira, Zachary Scerri, ittanta xortih permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa li iżda ġie salvat tajjeb minn Golovic.

Madankollu, erba’ minuti wara, Balzan kisbu d-draw permezz ta’ xutt qawwi tal-akkwist il-ġdid, il-Belġjan OLIVIER ROMMENS, li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Darijan Zarkov, isalva.

Fis-76 minuta, Balzan ipprotestaw għall-penalty meta s-sostitut Han Euigwon deher jitwaqqa’ minn player avversarju iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej.

Fil-85 minuta, Euigwon impenja lil Zarkov permezz ta’ xutt mid-distanza li ġie salvat tajjeb.

Gzira U.: 30-Darijan Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 7-Thaylor Aldama, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias, 11-Lucas Macula, 16-Luis Carlos Riascos, 20-Farid Romero Zuniga, 21-Zachary Cassar, 47-Brookyln Borg (19-Kyle Walter Cameron Spence 69), 98-Jackson Mendoza (74-Boadu Dacosta 69)   – Coach: Andrew Cohen

Balzan: 99-Danilo Golovic, 2-Ivan Bozovic (17-Han Euigwon 57), 4-Andre Prates, 7-Triston Caruana, 8-Paul Fenech (11-Benjamin Hili 57), 10-Jan Busuttil (6-Marcus Grima 72), 21-Aleksandar Katanic (80-George Henry Raymond Blackwood 64), 23-Nikola Zerjal, 24-Nikola Braunovic, 27-Olivier Rommens, 77-Aleksa Andrejic (18-Ryohei Michibuchi 46)   – Coach: Oliver Spiteri

REFEREE: Matthew Degab­riele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Max-Lee Muscat

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORERS: L. Macula 39 (GU), O. Rommens 64 (B)

AMMONITI: O. Rommens, A. Prates (B), T. Aldama (GU)

Ekonomija

Sport