Saturday, September 7, 2024

Gżira United Veterans fil-quċċata

Aqra wkoll

Gżira United Veterans kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fil-VMFA Cisk Premier League wara li għelbu liċ-champions preżenti MFPA bl-iskor ta’ 8-5.Huma issa jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika.

Il-Maroons kienu fi klassi għalihom hekk kif ħarġu mal-ewwel aggressivi, bl-MFPA li ppruvaw iżda fil-ġurnata ftit setgħu jagħmlu sabiex jevitaw l-ewwel telfa fil-kampjonat.

Ian Zammit kompla jsaħħaħ postu fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers hekk kif kien awtur ta’ tripletta filwaqt li Alex Muscat u Anthony Ewurum skorjaw doppjetta kull wieħed. Arthur Oyama għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.

MFPA irrispondew permezz ta’ tripletta ta’ Roderick Bajada u żewġ gowls ta’ Thomas Paris.

Rabat ħasdu lil Luxol hekk kif rebħulhom 5-4 sabiex kisbu l-ewwel rebħa staġjonali.

Kif jindika r-riżultat, kienet logħba ferm sabiħa bil-vantaġġ li beda jalterna minn tim għall-ieħor. Fl-aħħar mill-aħħar kienu r-Rabtin li daħku l-aħħar daħka u eventwalment ħadu t-tliet punti finali.

Protagonist għal Rabat kien Darren Galea li skorja tripletta filwaqt li Adam Smeir kien awtur ta’ doppjetta.

Luxol irrispondew bi tliet gowls ta’ Michael Galea u gowl ieħor ta’ Ronnie Hartvig.

Birkirkara St Helen’s irritornaw għar-rebħ wara skor ta’ 6-3 kontra Hibernians Veterans. Dawn tal-aħħar kienu qed idabbru t-tieni telfa tal-istaġun wara li fl-aħħar ħarġa tagħhom rebħu lil Żejtun Red Stars.

Il-Karkariżi kienu tajbin fl-attakki tagħhom u skorjaw permezz ta’ Robert Perkins, Joseph Chetcuti, Kevin Sammut, Andy Portelli, Claudio Calleja u Garrett Magri.

Il-Pawlisti rrispondew permezz ta’ doppjetta ta’ Alan Tabone u gowl ieħor ta’ Adrian Lanzon.

Żejtun Red Stars kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 6-4.

Nikolay Filipov kien ta’ ispirazzjoni għal sħabu meta skorja erba’ gowls b’Mark Ellul u Richard Galea li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Elton Silva skorja doppjetta għal Żurrieq bi Bjorn Bondin u Clarence Thompson iżidu żewġ gowls oħra.

KLASSIFIKA – VMFA CISK Premier League

Gżira United 9, Luxol, Birkirkara St Helen’s 6, MFPA, Rabat 4, Hibernians, Żejtun Red Stars 3, Żurrieq Wolves 0

Ekonomija

Sport