Wednesday, July 24, 2024

Snooker: Malta tibda b’telfa minima kontra c-champions renjanti

Aqra wkoll

Malta bdiet l-impenji tagħha waqt il-ħdax il-edizzjoni tal-5 Nations International Challenge Cup tas-Snooker b’telfa minima kontra c-champions renjanti l-Irlanda ta’ Fuq bil-punteġġ ta’ 14-13. Dan kien id-debutt ta’ Malta f’din il-kompetizzjoni li qed tiġi organizata f’ Edinburgh, l-Iskozja.

Ir-rebbieħ ta’ dan tournament internazzjonali ikun dak in-nazzjon li jirbaħ l-akbar numru ta’ frames filwaqt li f’kull logħba pajjiż jilgħab 27 frames. Min din is-sena il-format ġie mibdul u kull player f’kull kategorija jrid jilgħab tliet frames filwaqt li kull pajjiż jilgħab; erba’ logħbiet fid-diviżjoni tal-irġiel, erba’ logħbiet fis-sezzjoni tal-Masters u waħda fil-kategorija taż-żgħażagħ.

It-tim Malti rebaħ żewġ logħbiet fil-kategorija tal-irġiel u tnejn fis-sezzjoni tal-Masters iżda tilef il-ħames logħbiet l-oħra nkluża dik tal-kategorija taż-żgħażagħ.

Chris Peplow rebaħ it-tliet frames kontra Ronnie McAlister filwaqt li Arthur Cachia rebaħ iż-żewġ logħbiet li lagħab kemm fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll fis-sezzjoni tal-Masters. Huwa rebaħ id-darbtejn bi skor identiku ta’ 2-1 kontra Patrick Wallace u Peter Reilly rispettivament. Player ieħor li rebaħ kien Philip Ciantar li fil-kategorija tal-Masters għeleb lil Brian Milne 2-1. Ta’ min jirrimarka li fl-aħħar frame meta Ciantar kien 2-0 min fuq, spiċċa f’parita’ bil-punteġġ ta’ 43-43. B’hekk il-frame ġie deċiż wara li kien Milne ppottja l-boċċa s-sewda wara li reġgħet ġiet imtella’.

Fil-ħames logħbiet l-oħra kull player Malti rnexxielu jirbaħ għal lanqas frame wieħed ħlief fil-kategorija taż-żgħażagh fejn Luke Pace tilef 3-0 kontra Jamie Gardiner. Fid-diviżjoni tal-irġiel Joseph Casha u Isaac Borg tilfu kontra Stephen Brady u Anto Heaney rispettivament filwaqt li fil-sezzjoni tal-Masters il-players tal-Irlanda ta’ Fuq li rebħu kienu Rory Mallon u Dermot Loughran li għelbu lil Emanuel Mallia u Ivan Attard.

Fil-logħba l-oħra li nlagħabet fl-ewwel ġurnata l-iSkozja li qed jospitaw dan it-tournament rebħu b’vantagg kbir ta’ 24-3 kontra Franza.

Illum jidħlu fl-azzjoni r-Repubblika Irlandiża li diġa rebħu dan it-tournament seba’ darbiet minn għaxar edizzjonijiet. Waħda mill-logħbiet tagħhom illum tkun kontra Malta.

Fil-fatt illum Malta tilgħab darbtejn ukoll, l-ewwel kontra r-Repubblika Irlandiża fit-3.30p.m. (ħin ta’ Malta) u aktar tard filgħaxija, fit-8.30p.m. (ħin ta’ Malta), kontra t-tim Skoċċiż.

Ekonomija

Sport