Wednesday, October 9, 2024

IL-KATASTROFI F’GAŻA … BŻONN LI JIEQFU L-ATTAKKI

Aqra wkoll

Il-kunflitt f’Gaża b’attakki mill-Hamas u l-attakki minn Iżrael qegħdin iwasslu għal katastrofi sħiħa f’Gaża. Rajna l-kunflitt jkollu l-bidu tiegħu b’attakk bla preċdent u mhux mistenni mill-Hamas. Attakk li wassal għall-qtil brutali ta’ ċittadini Iżraeljani. Xi wħud maqtula, oħrajn maħruqin. Wara, kien hemm ritaljazzjoni minn Iżrael, li b’mod immedjat iddikjara gwerra. L-attakk mill-Hamas ħasad għal kollox lil Iżrael. Il-ħtif ta’ persuni fosthom suldati, u l-attakk fuq bażijiet mhux biss ma kienx mistenni imma jidher ċar li lanqas kienu ippreparati għalih.

Lil hinn mill-attakki li għaddejjin hemm inċertezza. Inċertezza kbira u stennija. Għal dik li qed tissejjaħ operazzjoni mill-art. Id-domandi li joħorġu huma ħafna. Meta se titwettaq? Min se jkun il-mira?  Se naraw aktar imwiet ta’ persuni ċivili?

Iżrael diġa iddikjara li din l-opeazzjoni se titwettaq u hemm il-pjani għaliha. Ma jgħidx imma meta se titwettaq. Jitkellem fuq l-għan tagħha li hu dak li jinqerdu darba għal dejjem il-grupp militanti tal-Hamas.

Dan hu dak li ingħad imma r-realtà hi different u x’jista’ jiġri ftit li xejn hi magħrufa. Wieħed irid jammetti u għalkemm ma intqalitx minn Iżrael, anki huma konxji, li l-qerda totali tal-Ħamas hi  mira diffiċli li tintlaħaq.  Biex isseħħ xi ħaġa simili hemm bżonn kampanja militari intensa għall-aħħar u anke din ma tagħti ebda garanzija li r-riżultat se jintlaħaq.

Nirrimarkaw li Gaża ilha snin ammont ta’ snin tbati minn imblokk. Azzjoni li minħabba fiha ħolqot tbatijiet kbar għal dawk li jgħixu f’Gaża. Il-kunflitt ta’ l-aħħar jiem, wassal għal eluf ta’ persuni mejtin. Qerda ta’ żoni sħaħ fosthom bini residenziali.  Oħrajn kellhom jaħarbu minn djarhom. Nuqqas ta’ ikel. Nuqqas ta’ ilma. Katastrofi umana. Katastrofi li qiegħda sseħħ f’żona li madwar 65 fil-mija tar-residenti tagħha jgħixu taħt il-linja tal-faqar. 

U din il-katastrofi umana tista’ tikber ferm akbar jekk se jitkomplew l-attakk. Tikber aktar meta isir l-intervent militari fl-art. Għax kif se tiddistingwi ben nies ċivili u dawk tal-Ħamas? Kif se teqred faċilitajiet militari taħt l-art tal-Ħamas, mingħajr ma teqred dar ta’ persuni ċivili?

Wieħed jifhem li l-pjani huma ta’ kampanja militari intensa f’Gaża, fejn Iżrael diġa iddikjara li m’għandu ebda ħsieb li jibqa’ jokkupa din l-art.  Kampanja militari, li tista’ mhux biss ma tħalliex ir-riżultati mixtiqin, imma tista’ twassal għal riskju li Iżrael jispiċċa bi swaba ippuntati lejh li uża forza sproporzjonata, xi ħaġa li diġa qegħdin nisimgħu.  Wieħed irid jistaqsi din l-operazzjoni militari intensa x’effett se jkollha fuq ir-relazzjonijiet ta’ Iżrael ma’ Stati Għarab li magħhom l-Iżrael fl-aħħar xhur kien stabbilixxa relazzjoni uffiċjali.  Għandna sitwazzjoni li dak li ħa xhur twal biex seħħ, jiġifieri li pajjiżi Għarab u Iżrael jersqu lejn xulxin, jista’ jisfuma fix-xejn jew jistaġna f’temp qasir.

Din hi dilemma li ma jinsabx fiha biss Iżrael.  Jinsabu f’sitwazzjoni simili anke l-alleati ta’ Iżrael fil-punent. Dawn huma l-istess Stati li  ddefendew bil-kbir il-liġi internazzjonali fil-kunflitt tal-Ukrajna.  M’hemmx dubju li hemm ir-riskju ukoll li l-kunflitt jeskala.

Kien proprju minħabba l-biża’ li l-kunflitt jinfirex, li intbagħat messaġġ ċar mill-Istati Uniti. Messaġġ li sar biż-żjara tal-President tal-Istati Uniti, Joe Biden. Indirettament din turi l-preokupazzjoni tal-Istati Uniti li l-kunflitt jista’ jiżdied.

Iż-żjara ta’ l-President Biden ma bdietx fuq nota tajba. Laqgħa ma’ Stati Għarab li huma ġirien ta’ Iżrael kellha titħassar. Dan seħħ wara li sptar f’Gaża iġġarraf. Każ li xxokkja lid-dinja. F’temp qasir, dak li seħħ ħalla qrib 1,000 tfal vittmi. Ir-ritratti li nħarġu kienu xokkanti. Wara kemm naħa u kemm oħra waħħlu f’xulxin għal din l-azzjoni. 

Il-mod kif tkellmet l-Istati Uniti u ż-żjara tal-President Biden f’Iżrael huma intiżi biex Iżrael iżomm lura milli jwettaq operazzjoni bl-art. Dan minħabba diversi raġunijiet fosthom għax din se toħloq aktar vittmi ta’ persuni ċivili,  b’riskju ta’ eskalazzjoni, u b’riskju li mhux faċli tipprevedi x’jista’ jiġri hekk kif isseħħ tali operazzjoni militari.  L-Istati Uniti sejħet anke lil Iżrael biex jara li jirrispetta il-‘liġijiet tal-gwerra’. 

Quddiem sitwazzjoni bħal din li faċilment wieħed jista’ jsejħilha ‘bomba tal-ħin’,  is-soluzzjoni li wieħed irid ifittex mhumiex ħafna. Prattikament hemm soluzzjoni waħda. Dik li b’mod immedjat jieqaf il-ġlied. Deċiżjoni simili se twassal biex għallinqas ma jibqax ikollna l-qtil u l-imwiet ta’ persuni ċivili. Il-ġlied irid jieqaf minn kulħadd.

Hu b’dan il-mod biss li wieħed jista’ jieħu azzjoni biex jittanta jsolvi kobbla imħabbla li ilha snin twal tiġġebbed. Ma tagħmel ebda sens li naħa jew oħra tipprova tpattija lil oħra għal kull attakk li jitwettaq.  Kull naħa trid tifhem li huma n-nies ċivili li qed iħallsu l-prezz ta’ din il-gwerra, kemm fuq naħa u kemm fuq oħra. Ma ninsewx lanqas, li dak li qed isir, qed joħloq inċertezza dinjija inkluż fid-dinja tal-Punent.

Sport