Tlett irġiel Sudaniżi tressqu l-Qorti f’Jum il-Milied fejn wieġbu ħatja għal akkużi relatati ma’ użu ta’ dokumenti foloz.
L-akkużati huma Abubaker Yunus Adam ta’ 23 sena, Muhamed Suliman Adam ta’ 24 sena, u Ibrahim Adam Najmadin ta’ 27 sena.
Abubaker u Muhamed kienu mixlija li lejlet il-Milied għamlu użu minn dokumenti maħruġa f’isem ħaddieħor u li taw tagħrif falz lill-Uffiċċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.
Ibrahim tressaq separatament fejn ġie mixli li fl-24 ta’ Diċembru kellu fil-pussess tiegħu u għamel użu minn passaport falz u li sar reċediv.
Wara li semgħet lill-imputati jammetti l-akkużi miġjuba kontra tagħhom, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, ikkundannat lil Abubaker u Muhamed sitt xhur priġunerija kull wieħed filwaqt li Ibrahim intbagħat 10 xhur ħabs.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Gerada.