Sunday, December 22, 2024

Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura

Tikteb Helena Dalli, Kummissarju għall-Ugwaljanza tal-UE

Aqra wkoll

It-tema tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija, il-Bifobija u l-Interfobija ta’ din is-sena hija “Ħadd ma jitħalla jibqa’ lura: ugwaljanza, libertà u ġustizzja għal kulħadd”. Dan l-approċċ jaqbel mal-mod kif il-Kummissjoni Ewropea indirizzat l-ugwaljanza għal kulħadd matul il-mandat attwali bl-għajta ta’ Unjoni tal-Ugwaljanza. Għal dan l-għan, adottajna ħames strateġiji dwar l-ugwaljanza li jkopru l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ġlieda kontra r-razziżmu, l-inklużjoni tar-Rom, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-ugwaljanza tal-LGBTIQ u tejjibna l-ħidma tagħna fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ugwaljanza għal kulħadd.

Għaldaqstant, dan il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija jistedinna naħsbu f’diversi karatteristiċi personali u nindirizzaw l-isterjotipi u s-suppożizzjonijiet tagħna kif ukoll azzjonijiet li nwettqu individwalment u kollettivament, peress li jistgħu jaffettwaw l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.

Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel strateġija tagħha dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ biex tindirizza speċifikament l-inugwaljanzi u l-isfidi li jaffettwaw lill-persuni LGBTIQ. Dan immarka fażi ġdida fl-isforzi tal-UE biex tindirizza d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ li laqqgħet flimkien lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha f’dan l-objettiv komuni.

Irridu noħolqu Unjoni Ewropea fejn id-diversità tiġi promossa u protetta, u fejn in-nies kollha jistgħu jkunu min tassew huma u jħobbu lil min iridu, mingħajr ir-riskju ta’ diskriminazzjoni, esklużjoni, mibegħda jew vjolenza. F’dan l-isforz, l-UE se tappoġġa lill-Istati Membri, b’mod partikolari f’termini ta’ azzjoni nazzjonali li tikkomplementa l-inizjattivi Ewropej.

Is-sejbiet tat-tielet stħarriġ dwar l-LGBTIQ fl-UE kollha li għadu kif tnieda mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali juru li 52 % tal-persuni LGBTIQ huma aktar miftuħa dwar l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom fl-ambjent soċjali tagħhom. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 6 % fuq ir-riżultati tal-2019. Madankollu, 55 % rrapportaw li kienu s-suġġett ta’ fastidju mmotivat mill-mibegħda, li jirrappreżenta żieda ta’ 18 % fuq l-istħarriġ preċedenti.

Dawn is-sejbiet jidhru li jikkonfermaw dak li diġà konna nafu, jiġifieri li l-pandemija tal-COVID-19 żiedet ir-riskju ta’ abbuż fiżiku u emozzjonali tal-persuni LGBTIQ, peress li ħafna minnhom kienu limitati f’lockdowns b’individwi ostili jew li ma jaċċettawhomx. Ġie osservat ukoll li l-kriżi tas-saħħa ssarrfet ukoll f’żieda fid-diskors ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ, peress li xi mexxejja politiċi u reliġjużi taw it-tort tat-tixrid tal-virus lill-komunità LGBTIQ.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mill-Kummissjoni lejn rapport dwar l-istrateġija tal-ugwaljanza tal-LGBTIQ qablu ma’ dawn is-sejbiet peress li ġie rrapportat li ż-żieda attwali fil-mibegħda u l-vjolenza fil-konfront tal-persuni LGBTIQ hija aggravata miż-żieda ta’ narrattivi kontra l-ġeneru u kontra l-persuni LGBTIQ. Il-partijiet ikkonċernati osservaw ukoll li, anke f’pajjiżi fejn l-aċċettazzjoni soċjali hija ogħla, ċerti forzi politiċi żiedu l-isforzi tagħhom biex irażżnu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, filwaqt li żiedu l-vjolenza u l-mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ għal gwadann politiku.

F’dan l-ambjent, jien partikolarment grata għall-għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri li qed isaħħu l-impenn tagħhom għall-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ f’konformità mal-istrateġija dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ. Tabilħaqq, l-Istati Membri ħadu rwol attiv ukoll fil-livell Ewropew bl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ livell għoli u l-ħruġ ta’ sejħiet lill-Kummissjoni Ewropea u lil istituzzjonijiet internazzjonali oħra biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni, il-mibegħda u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ b’mod sistematiku.

Dan ix-xahar, fraħt bl-organizzazzjoni tal-Presidenza Belġjana tal-ewwel Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur iddedikat għall-qasam tal-ugwaljanza. Nittama li dan il-mudell jiġi segwit minn presidenzi futuri tal-UE.

Din il-ġimgħa, qed nipparteċipa fil-Forum IDAHOT f’The Hague, u fil-konferenza tal-Presidenza Belġjana tal-UE dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ. Dan il-livell għoli ta’ involviment fi kwistjonijiet LGBTIQ huwa bla preċedent u jawgura tajjeb għall-futur. Huwa inkoraġġanti li l-pajjiżi tal-UE mhux biss qed jiġġieldu każijiet ta’ diskriminazzjoni, iżda qed jieħdu rwol attiv biex jippromwovu l-ugwaljanza għal kulħadd f’pajjiżhom u lil hinn minnu.

Nistenna bil-ħerqa wkoll li nattendi l-konferenza dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-EuroPride li se ssir f’Ġunju f’Tessaloniki, fid-dawl tas-sinifikat tagħha għar-reġjun.

Matul il-mandat tiegħi, attendejt l-EuroPrides u l-World Prides kollha li saru. Dan għamiltu preċiżament biex ngħaddi l-messaġġ sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Biex dan iseħħ irridu nkunu konxji tad-diversità tal-bniedem b’mod ġenerali u kif din tikkoinċidi ma’ li tkun LGBTIQ.

F’dan il-jum, intenni l-appell tal-Parlament Ewropew biex l-UE kollha kemm hi ssir Żona ta’ Libertà għall-persuni LGBTIQ. Huwa biss billi jiġi żgurat li s-soċjetajiet ikunu akkoljenti u inklużivi li fl-aħħar nistgħu nesperjenzaw l-ugwaljanza bħala stat ta’ fatt, ħielsa mill-biża’, id-diskriminazzjoni jew il-vjolenza.

Ekonomija

Sport