Matul is-snin smajna għadd ta’ dikjarazzjonijiet qawwija minn Papa Franġisku. Dikjarazzjonijiet dwar l-immigranti u kontra l-gwerer. Dikjarazzjonijiet li kienu jolqtu fil-laħam il-ħaj. Dikjarazzjonijiet li ħafna drabi kien jagħtu ċanfira lill-politiċi għall-politika li kienu qegħdin iwettqu.
Proprju fl-aħħar jiem smajna lill-politiċi ewlenin madwar id-dinja jfaħħru lil Franġisku – dak l-istess persuna li mhux darba u tnejn ipponta subgħajh lejn il-politika li kienu qegħdin imexxu. Lil Patri Dijonisju Mintoff staqsejnieh dwar dan. Kemm il-politiċi semgħu jew segwew il-messaġġ uman ta’ Papa Franġisku.
Kienet domanda segwita minn skiet. Anki ir-risposta ta’ Patri Dijonisju Mintoff għal diversi ħinijiet fiha spikkat il-hemda. Inħarsu lejn xulxin. Patri Dijonisju Mintoff jagħmel ġesti li juruk id-diżappunt tiegħu.
Iwieġeb għall-mistoqsija tagħna billi jgħid li “eija naraw x’qal hu? Speċjalment meta tkellem dwar il-Palestina. Tal ħadd ma taf każ ta’ dak li għidt. Ħadd ma ta’ każ qal ta’ dak li għidt. Hemm risposta akbar minn dik. Mhux il-politiċi qal. Ħadd. Imma dawn (il-politiċi) magħhom qegħdin, mhux barra minnhom. Ma qalx kulħadd barra dawn. Qal ħadd.”
Jieqaf għal ftit iħares fiss lejna. Ikompli “ħadd. Ara kemm ilhom ibatu l-Palestinjani u l-oħrajn. Ħadd. Ara x’inhu għaddej. Ara hu stess x’qal speċjalment fuqna fuq din iż-żona – il-Mediterran. Il-Papa qal hemm bżonn nibdlulu ismu il-Mediterran u nsejħulu ċimiterju. Qal m’hawnx cimiterju akbar mill-Mediterran, ta’ eluf ta’ nies mejtin ġo fih. Dik hi r-risposta tiegħi. Qed ngħidu x’qal u x’għamel” itemm jgħidilna Patri Mintoff kważi bid-dmugħ f’għajnejh.
“Dik l-aħbar ixxukkjatni
….ma flaħtiex”
Kif dħalna għandu, jgħidilna mill-ewwel, “kont ma niflaħx. L-aħbar tal-mewt tiegħu ixxukkjatni onestament. Ġurnata qabel hu tkellem u kien anke ried li jbierek lid-dinja. Ftit sigħat qabel bierek lid-dinja. L-aħħar ħaġa tiegħu, li għamel bil-qalb. Xtaq l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd. Jien sirt naf għax ċempilli in-neputi u qalli miet il-Papa. Qisni ma ridtx nemmnu. Ma flaħtiex l-aħbar. Jien naf xi bniedem kien. L-ewwel minn dak kollu li qrajt u anke minn dak li qalu f’ħafna żminijiet. Meta għalaqt id-disgħin sena hu kien bgħattli ittra elettronika u kien awgurali fuq ix-xogħol, imma imbagħad wara dik kont irċevejt telefonata u jien kif irrispondejt staqsejt min qed ikellimni. Qalli Francesco…għedltu Francesco min? Daqs kemm hawn Franceskijiet. Qalli Francesco u fl-aħħar qalli l-Papa. Għedtlu jekk tagħmel xi forma ta’ nota u tibagħthieli forsi nkun naf aħjar. In-nota bagħtha. U hawnhekk tani aħbar. Kien qalli li ġej Malta. Kien qalli li ġej hawn imma talabni ma ngħid xejn lil ħadd. Bħala Laboratorju tal-Paċi konna ilna għaddejjin. Kull darba li siefer u mar dawn il-postijiet u postijiet kbar u kull darba li kellu kwistjoni, aħna bħala laboratorju dejjem ktibnielu u dejjem weġibna. Konna nafuh hekk. Konna niktbulu biex nagħmlulu kuraġġ.”
Patri Dijonisju Mintoff jkompli jgħidilna li “jien kelli xogħol ieħor apparti l-Laboratorju tal-Paċi għax kont b’ħidma oħra fejn organizzajna għall-patrijiet Franġiskani fid-dinja kollha u sejjaħnielha il-Franciscan Internațional. U waqqafna din l-organizazzjoni li taħdem għall-paċi. Imma ridna li għall-ewwel darba il-patrijiet Franġiskani ikollhom uffiċċju fin-Nazzjonijiet Uniti biex ikunu osservaturi ta’ dak li qed jgħaddi minn ġurnata għal oħra. Għadda żmien u tant kiber ix-xogħol tagħha li kellna niftħu post fi New York u ieħor f’Ġinevra. Din imxiet u għadha mjiexja. Konna l-ewwel ordni reliġjuż li ħaseb għal xi ħaġa bħal din u magħna imbagħad ingħaqdu l-Konventwali, l-Kapuċċini u l-Giżwiti. Spiċċajna kważi kulħadd.”
Jisħaq li “kienet ġiet il-Covid-19 u waqaf kollox fejn tidħol iż-żjara tal-Papa. Għaddew ix-xhur, sejjaħli l-Arċisqof Scicluna u miegħi ġie l-Provinċjal u tana l-aħbar li l-Papa ġej Malta u jrid jiġi Ħal Far. Kulħadd skanta meta qal se jiġi Ħal Far. Skantaw mhux għax ma riduhx jiġi hawn, imma għax kien hemm min qal hemm sejjer għax hemm ftit setgħu joqogħdu nies. L-Arċisqof qalilna dik l-informazzjoni li għandi u dik li qed intikom.”
Bdew jgħidulu sar il-ħin u beda jgħidilhom
‘Ħalluni, ħalluni’
Patri Mintoff jgħidilna li “kienu ċar li l-iskop tiegħu kien li jiġi hawn u jara hawn.
Hawn tkellem miegħi. U sakemm dam magħhom hawn, jien irringrazzjajtu li ġie u mbagħad tkellmu xi immigranti. Tkellem wieħed waħdu u wieħed bil-familja u spjegaw minn xhiex għaddew u l-Papa rringrazzjahom u għamel diskors hu u reġa’ appella kemm felaħ biex jieħdu ħsieb lil dawn in-nies u jilqgħuhom. Qalilna intom magħrufin għal ospitalità tagħkom u nixtieqkom ittuhom ospitalità kemm tistgħu.
L-immigranti li kien hawn kellimhom wieħed wieħed. Dam ikellimhom u beda jgħannaqhom u beda joħroġ xi ħaġa mill-but u jtihielhom. Kellu jdum 30 minuta u dam erba’ siegħat. Kull darba jiġu jgħidulu sar il-ħin u hu beda jgħidilhom ħalluni ħalluni.”
Staqsieni għaliex semmejtu
Laboratorju tal-Paċi?
Ikompli jgħidilna li “meta ġie hawn l-ewwel li staqsieni, għaliex Laboratorju tal-Paċi. Qalli qed insaqsihielek għax ma fhimthiex. U bdejt nispjegahielu. Ftit kliem u xorobhom. X’jagħmlu f’laboraorju – jaraw is-sinjali taż-żminijiet xjentifikament u jagħmlu r-riċerka, jaraw l-prolemi ta’ llum u jaraw kif jistgħu jitkellmu fuqhom u jsolvuhom. Kellna f’rasna ir-rikonciljazzjoni, imma l-aktar ħaġa kienet l-edukazzjoni għall-paċi u għamilna skola u erġajna konna l-ewwel nies fl-Ewropa li tkellimna fuq edukazzjoni għall-paċi. Tant għoġbitu din il-ħaġa, li l-għada filgħodu kellu udjenza ġenerali mid-dinja kollha u kellu jitkellem fuq biċċa mill-Kredu u dakinhar tkellem fuq hawn. U semma’ x-xogħol li sar u kemm hu ferħan b’dan ix-xogħol. U din imbagħad daħħalha fil-vokabolarju tiegħu u beda jgħid qed inkellimkom mil-Laboratorju tal-Paċi, id-dinja hemm bżonn issir Laboratorju tal-Paċi.”
Wara li ra l-moskeja hawn….il-Papa għamilha gwida
li jkun hemm post ta’ talb għal dawn in-nies
Enfasizza li “meta ġie hawn ra l-faqar għax dan hu post fqir, kif iħobb hu. Hawnhekk aħna għandna moskea għall-Musulmani. Meta jinħarġu mid-detenzjoni u jerġgħu jiksbu libertà dawn jibdew ġejjin in-nies hawn. Il-fatt li hawn sab moskeja, xi ħaġa li hu imdorri biha, dan diġa ħassu mhux waħdu. U din il-Papa għamilha bħala gwida li jkun hemm post ta’ talb għal dawn in-nies.”
Patri Mintoff jgħidilna li “dak li nista’ ngħid fuqu hu li ħabb lilna u ħabb lil Malta. Ngħidha għat-tieni darba ħabb ħafna lil Malta u ħadd lid-dinja kollha”.
“Kieku siefru ma’ l-ewwel
tentattiv kieku llum m’iniex hawn”
Patri Mintoff jgħidilna li “ħajtu hi maqsuma fi tnejn. L-ewwel parti kienu l-immigranti li jfittxu rifuġju. U t-tieni l-gwerer. Waħda mill-effetti ta’ kull gwerra hi li jkun hemm eluf ta’ nies minn dawn, f’kull gwerra. Il-familja tal-Papa għaddiet minn din l-istess storja u meta kienu qegħdin l-Italja kienu se jaqbdu wieħed mill-akbar vapuri li kien hemm l-Italja. Familtu kienet se titlaq mill-Italja abbord dan il-bastiment. Fl-aħħar ħin, missieru tant ħassha li se jitlaq mill-pajjiż li dak il-ħin stess qalilhom ma jmorrux u mar jagħti l-biljetti lura u qalilhom li se jibqgħu hemm. Ried jibqa’ mal-għeruq. Dan il-vapur hu u sejjer, sab maltempata u għereq. Għaliex insemmi din l-istorja kollha? Għax kien hu stess li qalhieli fuq it-taraġ t’hawn. Qalli kieku dakinhar marru, kieku llum jien mhux hawn.”
“L-immigranti baqgħu dejjem hemm sal-aħħar għalih u l-gwerer ukoll baqgħu sa l-aħħar. L-istorja tad-dinja u l-gwerer u l-inkwiet kollu li bih bdew il-gwerer, tgħallimhom mingħand nannuh. U meta mbagħad kien kun man-nanna kienet tkompli hi. Għax in-nanna spiċċat b’wieħed minn uliedha fetaħ ħanut tal-kafe u Francesco l-ewwel li ħadem kien f’ħanut ta’ ħwejjeġ u wara mar f’ħanut tal-kafe jaħdem jaħseb. Filgħaxija x’ħin jagħlaq il-ħanut tal-kafe, kien imur ix-xatt biex ma ħafna guvintur jara kif se jagħmlu biex imorru isibu post fejn jgħixu. Dejjem ħolom li se jitlaq fuq il-baħar bħalma telqu dawn in-nies.”
Mar fuq il-qabar ta’ Milani….il-gwerer ma jfissirx
Tiġġieled biss….anki jekk tgħin b’kelma qed teħodha kontra dak li ħalaq Alla
Patri Mintoff ikompli jgħid li “kien hemm qassis li beda jippriedka għall-ewwel darba kontra it-tagħlim kollu li kellna. Kien hemm min kien jgħid li tista’ tagħmel gwerra ġusta jekk ikun hemm il-bżonn. Dan kien it-tagħliim. Imma dan il-qassis beda jgħid li din hi falza. Dan kien Don Lorenzo Milani. Neħħewh minn Milan u bagħtuh f’post ieħor imma baqa’ jgħid l-istess ħaġa. Dan qabad tfal foqra u għamel rivoluzzjoni fl-edukazzjoni. Kien l-akbar edukatur rivoluzzonajru. Meta Francesco laħaq Papa mar fuq il-qabar ta’ Milani.
Patri Mintoff saħaq li “l-gwerer kollha saru kontra r-rieda ta’ Alla. Kollha m’hemmx wieħed u ieħor. Għax Alla ma ħalaqx ir-raġel u l-mara biex joqtlu l-xuxlin. Alla ma ħalaqx in-nies biex jiddefendu lilu u jbierek il-bnadar ta’ dak il-pajjiż u ta’ l-ieħor. Alla ħalaq id-dinja biex ngħixu fil-paċi. M’hemmx xejn fl-ebda gwerra li hi tajba. Ħażin biss fiha l-gwerra. Il-gwerrer ma jfissrux tiġġieled biss. Anki tixtri l-armi u anki l-flus li għaddejjin, dan kollu serq. U min qed jgħin b’kelma jew b’xi ħaġa oħra qed jeħodha kontra dak li ħalaq Alla.”
Biex tgħin lill-batut….trid tgħix miegħu
Patri Mintoff itemm jgħidilna li “qabel telaq minn hawn, spiċċajna waħidna fejn dak il-grada. Dar fuqi u qalli hekk: ‘biex tgħin lil batut trid tgħix miegħu.’ Għax biex tkun taf il-problemi tiegħu trid mhux tisma’ fuqu u taqra fuqu imma tgħix miegħu. Meta tgħix miegħu tkun taf il-problemi tiegħu. Imma imbagħad il-problemi mhux inti issolvihom, Alla biss isolvihom għax hu biss ippriedka l-paċi. Kien Qal li jixtieq li qabel imut jara xi ħaġa, imma ftit qabel miet qal li għadna fejn konna”.