Saturday, December 21, 2024

Ħaddiem jilmenta li kien hemm xhur fejn ħadem mat-300 siegħa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel li l-impjieg tiegħu ġie terminat meta kien għadu bi probation, ilmenta li kien hemm xhur fejn ħadem ‘il fuq minn 300 siegħa.

Colin Galea li kien jaħdem bħala ‘on board aircraft engineer’ ressaq il-każ tiegħu quddiem it-Tribunal Industrijali kontra Air X Jet Support (Malta) Ltd. 

Robert Fenech, Head of Human Resources, meta mistoqsi dwar ir-raġuni għat-terminazzjoni tal-impjieg ta’ Galea, wieġeb li din seħħet waqt il-perjodu ta’ probation. 

Mistoqsi rigward il-formoli li ġew sottomessi lil JobsPlus, x’ġie mniżżel, ix-xhud wieġeb: “mela naturalment, bħala kumpanija, l-industrija, l-impjieg tal-avjazzjoni, sfortunatament laqtitna każin, laqtet ħażin lil kull min kien involut.”

Huwa kompla jgħid li Galea beda f’Ġunju 2019, u kien suġġett għal 12-il xahar probation li kien jiskadi f’Ġunju tal-2020. It-terminu tal-impjieg kien f’Mejju 2020. Qal ukoll li saru taħditiet biex ikun hemm xi benefiċċji li jistgħu jittieħdu.

Min-naħa tiegħu, Galea stqarr li: “effettivament ma rċevejt xejn. Irċevejt ftit jiem wara li x-xogħol tiegħi li ħa jkun itterminat minħabba l-Covid. Qas hekk, irċevejt ittra biex niffrima ‘full and final settlement’ li ovjament ma ffirmajthiex.”

Galea semma wkoll li kien għamel ċertu rapporti dwar is-sigurtà tal-ajruplan, kif ukoll kien mitlub jaħdem ċertu sigħat eċċessivi li fi żmien tlett ijiem kien se jorqod litteralment tliet sigħat, iżda huwa ma aċċettax. 

“Is-Sur Fenech, ma nafx kif qed jgħid ma jiftakarx, għajjatli għal meeting, għax għamilt rapport dwar is-sigurtà tal-ajruplan, li jien marbut bil-liġi li nagħmilhom, u anke ċertu sigħat mhux umani… u jiena xhur minnhom ħdimt fuq 300 siegħa,” tenna x-xhud. 

Intant, fit-trattazzjoni tagħha, l-Avukat Roselyn Borg, li deher għall-kumpanija, għamlitha ċara li l-liġi tgħid biċ-ċar li min iħaddem, kif ukoll il-ħaddiem, jista’ jittermina l-impjieg waqt iż-żmien tal-prova mingħajr ma jagħti raġuni. Qalet li l-kumpanija mxiet skont il-provvedimenti tal-liġi u ddeċidiet li tiddetermina l-impjieg tal-impjegat waqt iż-żmien tal-prova. 

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Gabriel Farrugia, li qed jidher għal Galea, qal li kien qed jaqbel li dak iż-żmien ma kinitx għaddiet l-ewwel sena, allura kien għadu fil-probation. Madankollu, stqarr li r-raġuni li ngħatat mhux għax intemm fi żmien il-probation imma “redundancy due to Covid.” 

Fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal Industrijali mmexxi miċ-Ċerpersin John Bencini, qal li huwa tal-fehma li la hemm qbil li t-terminazzjoni seħħet waqt iż-żmien ta’ prova, u dan ġie ppruvat, sab konformità li fil-fatt hekk seħħ. Għaldaqstant, laqa’ l-eċċezzjoni tal-kumpanija u ddikjara li t-talbiet ta’ Galea kellhom jiġu miċħuda. 

Ekonomija

Sport