Friday, April 19, 2024

Il-vaċċin – No Jab, No Job

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-pandemija għadha magħna.  U ser tibqa’ magħna sakemm kulħadd jitlaqqam u nkomplu nieħdu prekawzjonijiet bażiċi.  Nibdew mill-vaċċin.  L-ewwel ħaġa hi li l-bniedem irnexxielu jipprepara vaċċin fi żmien qasir.  Normalment, il-preparazzjoni tieħu s-snin.  B’xorti tajba dan irnexxielna nagħmluh fi żmien ħafna anqas mis-soltu.

It-tieni, bħala pajjiż, xortina tajba li l-Gvern ħa azzjonijiet minn qabel biex jiżgura li jkollna l-vaċċin mal-ewwel.  Mhux biss, iżda pprepara biex kif jasal jibda t-tilqim u jkollna sistema effiċjenti biex il-vaċċin jintuża kollu qabel ma jiskadi.  Il-Bulgarija u r-Rumanija spiċċaw b’mijiet ta’ eluf ta’ vaċċini skaduti għax ma kellhomx sistema tajba. Aħna mhux biss irnexxielna, iżda s-suċċess tagħna ġab l-għira ta’ pajjiżi oħra.  Kulħadd jiftakar li kien hemm mexxejja ta’ pajjiżi fl-UE li peress li huma ma kienux ippreparati daqsna, bdew jakkużawna bi tbagħbis.  Din is-solidarjeta’ tal-UE!  

Biex inkun ġust, dawn l-ideat li l-Maltin dejjem ibagħbsu ma waqgħux mis-sema.  Dan hu kollu frott tat-tradituri Maltin.  Bħal ma ktibt qabel, dawk il-Maltin li qed jagħmlu minn kollox biex itellfu r-reputazzjoni ta’ Malta, għalija huma tradituri għaliex dawn qed jagħmlu ħsara mhux lil xi sezzjoni tal-poplu Malti iżda tal-poplu kollu.  Li mhux qed jittendu hi li din il-ħsara xi darba ser tfaqqa’ ma’ wiċċhom stess.  

Dan rajnieh fil-passat meta kien hemm l-istrike tat-tobba.  Waħda mill-ħsarat li kienu għamlu kienet biex it-tobba li kienu qed jiggradwaw mill-Universita’ ta’ Malta, ma jibqgħux rikonoxxuti l-Ingilterra.  Li ġara kien li meta reġgħu kienu fil-gvern kellhom jitħabtu ħafna biex il-kors jerġa jiġi rikonoxxut.  

Dawk kontra

Waħda mill-affarijiet li ħarġet meta beda t-tilqim tal-vaċċin kienet li l-maggoranza tal-poplu Malti ried jitlaqqam.  U kien għalhekk li rnexxielna nilħqu rekord ta’ tilqim.  Għax ngħiduha ċara, jekk ikollok sistema tajba, ikollna l-vaċċin u n-nies ma jridux jitlaqqmu, xejn ma jaħdem.  

Din tat-tilqim mhux xi ħaġa ġdida.  Kull meta l-awtoritajiet tas-Saħħa issuġġerew tilqima, il-Maltin dejjem ħaduha.  Dan jiddistingwina minn pajjiżi oħra fejn hemm ħafna li ma jaqblux mat-tilqim u jkollhom konsegwenzi koroh.  

Ma jfissirx li kulħadd kien jimxi hekk.  Biss il-kwantita’ dejjem kienet tkun żgħira u għalhekk il-poplu kien ikun protett.

Din id-darba hemm fattur ġdid.  Dan il-fattur hu li hemm min qed jagħmel propaganda biex il-Maltin ma jitlaqqmux bil-vaċċin.  Dan rajnieh fuq is-social media – nies li jippretendu li huma għorrief u ħlief kliem fieraħ ma semmewx.  Meta kienet ħarġet li dan il-vaċċin seta’ kellu effetti negattivi, mal-ewwel xandruha bħala fatt biex ibeżżgħu lin-nies biex dawn ma jitlaqqmux.

Jien inqis li sfortunatament hemm ħafna Maltin li jużaw speċjalment il-Facebook u la jafu l-konsegwenzi u lanqas jafu li meta qed jitfgħu messaġġ, qegħdin litteralment jippubblikaw dak li jiktbu.  Hi ħasra li f’Malta għad m’għandniex awtorita’ li hi responsabbli mix-xandir fuq is-social media biex tieħu passi kontra dawk li jippubblikaw fake news.  Fil-fatt hemm pajjiżi, bħar-Renju Unit, li qed jaraw kif jagħmlu biex sites bħal Facebook iġorru r-responsabbilta’ bħala pubblikatur.  

Il-propaganda kontra l-vaċċin tista’ tkun moħbija.  Fil-fatt dan l-aħħar kumbinazzjoni kont qed inqalleb fuq it-TV u dħalt fil-programm ‘River of Love’ li suppost hu programm ta’ reliġjon.  Il-preżentatur dam ma nafx kemm jgħid li n-nies għandhom dritt ma jitlaqqmux u bl-ebda mod m’għandhom jiġu diskriminati.  Messaġġ li għalija ma kien ifisser xejn għajr –  Titlaqqamx għax ħadd ma jista’ jagħmillek xejn.  Messaġġ li jfisser  – agħmel li trid u tiġi taqa’ u tqum fuq l-effetti fuq sħabek u s-soċjeta’.  Veru reliġjon tal-imħabba!

Prekawzjonijiet 

Il-prekawzjonijiet bażiċi, personalment nemmen, li għandna nibqgħu nżommuhom għaliex jipproteġuna sew minn dan il-virus u sew minn viruses oħra.  Jekk xi ħadd jemmen li kif insolvu l-problema ta’ dan il-virus nistgħu ninsew dak li suppost tgħallimna, li l-prekawzjonijiet bażiċi jipproteġuna, ma jkunx qed jara dak li suppost tgħallimna.  Qed nikteb hekk għax nemmen li jekk aħna nkomplu nieħdu dawn il-prekawzjonijiet, inżommu distanza soċjali, naħslu idejna u anki nużaw il-maskra, per eżempju, meta tibda l-influwenza, zgur li jirnexxielna nrażżnuha ħafna aħjar mis-soltu.  Ma rridux ninsew li l-influwenza tista’ twassal ukoll għall-mewt.

Li titlaqqam hi r-responsabbilta’ individwali.  Biss nemmen ukoll li l-gvern għandu jieħu azzjonijiet biex jipproteġi lis-soċjeta’.  Qed insemmi biss il-gvern għaliex nemmen li l-qrati jiġi jaqgħu u jqumu mid-drittijiet tas-soċjeta’ – dawn moħħhom biss fid-drittijiet tal-individwu. Hu minnu li individwu għandu dritt li jirregola ħajtu kif irid.  Iżda hemm limitu.  Il-limitu hu li dak li tagħmel ma tkunx qed tagħmel ħsara lil ħaddieħor.  

Nistaqsi:  hu ġust li int tkun pazjent u dawk li jieħdu ħsiebek ma jkunux imlaqqma u għalhekk jista’ jkunu pożittivi għall-COVID?  Ma ninsewx li ħafna min-nies li mietu fil-‘homes’ tal-anzjani ma kienux joħorġu u minkejja dan, ittieħdu u sfortunatament numru sew minnhom mietu.  

Hu ġust li int tmur għax-xogħol ma’ xi ħadd li jiġi jaqa’ u jqum minnek u ma jitlaqqamx?  Il-ħaddiema li ma jitlaqqmux qed ipoġġu lill-ħaddiema l-oħra fil-periklu.  Il-ħaddiema l-oħra għandhom dritt li xi ħadd jiddefendihom?  Ma ninsewx li dawn il-ħaddiema qed ipoġġu wkoll lin-negozju fil-periklu u jżidu r-riskju li jtellfu l-post tax-xogħol lil ħaddieħor.

Hu ġust li int tmur ġo ristorant u tiġi servut minn xi ħadd li ma tlaqqamx? 

Hu għalhekk li nemmen li l-gvern għandu jieħu l-istess passi bħal ma ħa l-gvern Franċiż fejn, per eżempju, mhux ser iħalli lill-ħaddiema tas-Saħħa li ma tlaqqmux jidħlu għax-xogħol u ma jitħallsux.  L-istess fuq il-ħaddiema l-oħra.  Barra minhekk fi Franza diġa’ ttieħdu passi biex jitħallew jidħlu fi ħwienet u postijiet ta’ divertiment dawk biss li jew ħadu l-vaċċin jew ħarġu negattivi minn test tal-COVID riċentament.  

Kull persuna għandha d-drittijiet tagħha, imma anki s-soċjeta’ għandha drittijiet wkoll.  U dawn hemm bżonn li niddefenduhom ukoll.    

Sport