Tuesday, April 30, 2024

Ħaddiem jirbaħ £8,000 f’kumpens wara li tkeċċa għax ħa ġurnata off biex jakkumpanja lis-sieħba l-Isptar

Aqra wkoll

Ħaddiem f’fabbrika fl-Ingilterra li tkeċċa minħabba li ma daħalx għax-xogħol biex jakkumpanja lis-sieħba l-isptar biex isirulha xi testijiet ta’ tqala ngħata kumpens ta’ £8,000 minħabba tkeċċija inġusta.

Craig Jewell kien għamel talba biex jieħu l-leave minnufih kif skopra li l-appuntament kien iċċaqlaq għal data eqreb milli pjanat, iżda l-manager jidher li ċaħadlu t-talba.

Huwa prova għal aktar minn darba jipprova jirranġa bis-sewwa, iżda kif ma rnexxilux għażel li jagħmel talba oħra li ma jidħolx u ma jitħallasx tal-ġurnata.

Huwa ma rċieva l-ebda rispons iżda meta rritorna għax-xogħol spiċċa quddiem bord tad-dixxiplina minħabba li skont it-tmexxija tal-fabbrika, il-ħaddiem kien naqas milli josserva l-proċedura tal-post fir-rigward ta’ talbiet għal vaganza.

Quddiem it-tribunal f’Manchester instema’ kif ir-raġel li kien jaħdem bħala machine operator ma’ Stax Converting Limited tkeċċa intortament anke jekk l-imgħallmin allegaw li huwa tkeċċa minħabba raġunijiet ta’ mġiba.

Irriżulta li l-ħaddiem kien diġà bbukkja l-leave, iżda kellu bżonn iċaqlaq il-ġurnata b’jumejn minħabba kumplikazzjonijiet li sofriet is-sieħba.

Fil-verdett kien innutat li l-imgħallmin kien qabdu mal-ħaddiem fuq affarijiet li ma kinux jagħmlu sens għax ħaddiema oħra kienu jagħmlu l-istess iżda ma kinitx tinġibdilhom l-attenzjoni. 

Barra minn hekk intqal li l-fabbrika kienet inġusta fl-atteġġjament tagħha mal-ħaddiem għaliex dan kien każ ta’ emerġenza u li s-sieħba kellha bżonn is-sapport tiegħu f’dik is-sitwazzjoni. 

Sport