Sunday, May 5, 2024

Ħaddiem jitlef xogħlu minħabba negliġenza li seta’ kellha konsegwenzi traġiċi

Aqra wkoll

Traskuraġni li setgħet ħalliet konsegwenzi traġiċi għal ħaddiema fuq post tax-xogħol wasslet biex ħaddiem jitkeċċa mill-impjieg tiegħu. Dan il-każ kien deċiż dan l-aħħar fit-Tribunal Industrijali li kkonferma u ġġustifika t-tkeċċija tal-istess impjegat.

Il-każ imur lura għal Awwissu 2017 meta l-impjegat ġie akkużat mill-kumpanija li kien jaħdem magħha illi telaq minn postu fuq ix-xogħol u b’hekk boiler tħalla jaħdem mingħajr ilma bil-konsegwenza li l-boiler ġratlu ħsara kbira waqt li kien taħt is-superviżjoni tiegħu.

Sussegwentement u wara li għadda proċeduri ta’ dixxiplina, il-ħaddiem ġie mgħarraf li l-impjieg tiegħu kien terminat billi minħabba negliġenza u nuqqas ta’ osservazzjoni tad-dmirijiet tiegħu mhux biss ikkaġuna ħsarat irreparabbli lill-kumpanija iżda wkoll espona lil ħaddiema oħra għal periklu ta’ diżgrazzja li twassal għal imwiet.

Waqt is-smiegħ tal-provi fit-Tribunal, ingħad li minkejja l-esperjenza li kellu, l-impjegat kien jaf sew x’setgħu jkunu l-konsegwernzi meta ħalla xogħlu u naqas li jagħmel superviżjoni meħtieġa fil-boiler room. Fil-ħin li l-impjegat ma kienx fuq xogħlu, l-ilma f’wieħed mill-boilers nixef bil-konsegwenza li dan saħan u apparti l-ħsara kbira li ġratlu kien f’periklu li jikkaġuna splużjoni li setgħet tħalli konsegwenzi traġiċi.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, it-Tribunal Industrijali nnota illi kien jidher mill-kameras interni tal-kumpanija illi l-impjegat telaq mill-post tax-xogħol tiegħu u mar fil-mess room li qeda l-bogħod mill-kamra ta’ fejn kienu l-boilers. Dan għamlu meta kien jaf illi l-boilers ma setgħux jitħallew waħedhom mingħajr osservanza.

Għaldaqstant, wara li sema u analizza l-provi li tressqu quddiemu, it-Tribunal wasal għal konklużjoni illi l-impjegat, li kellu għarfien u esperjenza vasta fuq is-superviżjoni tal-boilers, kien negliġenti u traskurat fil-qadi ta’ dmirijietu.

Għal dawn ir-raġunijiet u wkoll billi l-każ kien meqjus bħala wieħed ta’ natura gravi ħafna li seta’ kellu konsegwenzi perikolużi ferm, it-Tribunal ikkonferma li t-tkeċċija mill-impjieg ta’ dan il-ħaddiem saret għal raġunijiet tajba biżżejjed u għaldaqstant kienet waħda ġusta.

Sport