Proprju fl-aħħar jiem l-awtoritajiet ta’ infurzar infurmaw b’rejd li huma wettqu f’diversi postijiet u li fihom instabu għadd ta’ persuni li minħabba raġunijiet diversi mhux suppost kienu f’pajjiżna. Fl-istess sitwazzjoni għandna għadd ta’ ħaddiema barranin. Ħaddiema li spiċċaw f’sitwazzjoni irregolari mhux għax iridu huma imma għax min iħaddimhom naqas jew abbuża mis-sistema. Ovvjament dawn jekk jinqabdu mill-forzi tal-ordni jiġu dikjarati irregolari u jinbeda proċess biex jintbagħtu lura.
F’pajjiżna għandna ħaddiema li litteralment is-sistema f’pajjiżna tefgħathom jaħdmu fil-black market. Sitwazzjoni inġusta ma’ dawn il-ħaddiema. Dan għax dawn m’għandhom l-ebda intenzjoni jaħdmu fil-black market, imma hi s-sistema li imbuttathom hemm.
Nemmnu li hi sitwazzjoni inġusta li f’pajjiżna kellna każi ta’ ħaddiema barranin li s-sid li kien iħaddimhom għal xi raġuni li jaf hu għażel li ma jġeddilhomx. Dawn il-ħaddiema li jispiċċaw ma jkollhomx il-permess imġedded għandhom biss għaxar ijiem ċans biex isibu impjieg. Wara dawn l-għaxart ijiem, jekk ma jsibux xogħol dawn jitqiesu bħala irregolari.
Nemmnu li għaxart ijiem hu perjodu qasir ħafna u dan għandu jittawwal aktar. L-istess ħaddiema qegħdin isibu ukoll li qed ikun hemm sidien tal-postijiet tax-xogħol li min għal ħaġa u min għal oħra ma japplikawx fil-ħin biex iġeddu l-permess tax-xogħol. F’dan il-każ qed jiġri li imbagħad l-istess ħaddiema jirċievu ittra ta’ revoka. Dan imbagħad ikun ifisser li dak il-ħaddiem li jkun baqa’ jaħdem, ikun spiċċa fil-qasam tax-xogħol b’mod irregolari.
Dawn il-ħaddiema għandhom kollox kontrihom. Minkejja li għandhom dritt ta’ appell minn mindu jkunu ngħataw l-ittra ta’ revoka, iż-żmien li fih irid isir l-appell hu ta’ tlett ijiem biss. Żmien qasir ħafna għal dawn il-ħaddiema li ħafna minnhom m’għandhom l-ebda ħjiel ta’ kif taħdem is-sistema.
Agħar minn hekk, la darba tagħmel l-appell mid-deċiżjoni dak l-istess ħaddiem ma jistax jaħdem qabel jinqata’ l-appell. Din hi sitwazzjoni li lil dawn il-ħaddiema qiegħda titfagħhom fil-black market. Għaliex qed ngħidu dan? Qed ngħidu dan għax l-appelli jieħdu xhur u kif jistgħu dawn il-ħaddiema jagħmlu xhur ma jaħdmux. Dawn huma ħaddiema li flus ma jkollhomx wisq għax il-parti l-kbira tal-flus li jaqilgħu jibagħtuha lura f’pajjiżhom lill-familjari. Kif se jgħixu dawn jekk ma jaħdmux? Kif se jmantnu lilhom infushom? Ovvjament dawn jispiċċaw jaħdmu xorta b’mod irregolari.
Nemmnu li dawn il-ħaddiema għandhom bżonn sistema li ma tisfurzahomx fil-black market. Hemm bżonn sistema aktar umana ma’ dawn il-ħaddiema. Dawn huma ħaddiema li kienu qed jagħtu servizz b’mod regolari f’pajjiżna. Mhux ġusta għax sid ta post tax-xogħol jonqos milli jagħmel il-proċeduri fil-ħin, ikun il-ħaddiem li jbati għax isir ħaddiem irregolari.
Nemmnu li hemm bżonn li malajr kemm jista’ jkun jitwaqqaf bord ta evalwazzjoni. Bord li jara għaliex dawn il-ħaddiema spiċċaw f’sitwazzjoni irregolari. Nemmnu li fil-mument mhux nippuntaw is-swaba kollha lejn dawn il-ħaddiema irridu, imma naraw għaliex spiċċaw ‘irregolari’. B’hekk jiġi stabbilit min naqas jew agħar min abbuża mis-sistema. Mhux gust li għax sid ta’ post tax-xogħol jabbuża jew jonqos fit-tiġdid tal-permess, ikun il-ħaddiem li jbati l-konsegwenzi.