Saturday, December 28, 2024

Ħaddiema sfurzati fil-‘Black Market’

Aqra wkoll

Hawn min f’pajjiżna qiegħed isibha faċli jipponta subgħajh lejn ħaddiema barranin. Rajna fl-aħħar jiem, diversi jitkellmu b’mod dispreġjattiv fuq ħaddiema barranin. Qegħdin naraw ukoll li l-livell ta’ intolleranza lejhom qiegħed jikber ukoll. Hawn min għandu ukoll interess jirkeb fuq din il-mewġa għall-interessi ta’ moħħu.

Lil hinn minn dan, dawn il-ħaddiema barranin huma umani. Huma ħaddiema li qegħdin jagħtu servizz f’pajjiżna. Hawn servizzi f’pajjiżna li l-ħaddiema barranin huma indispensabbli għalihom. Fuq kollox dawn huma ħaddiema li ma qabdux u ġew hawn, iżda biex ġew hawn għaddew minn proċess sħiħ u inġabu hawn u ġew hawn għax kien hawn xogħol għalihom. Hi ħasra li hawn min abbuż mill-proċess u qed iġib ħaddiema minn pajjiżi imbegħda mingħajr ma dawn ikollhom xogħol f’pajjiżna, biex imbagħad dawn il-ħaddieam jispiċċaw jgħaddu minn inċertezza kbira.

F’pajjiżna għandna ħaddiema li litteralment is-sistema f’pajjiżna tefgħathom jaħdmu fil-black market fosthom dawn il-ħaddiema li inġabu hawn meta l-kumpaniji li ġabuhom kien jafu li m’għandhomx xogħol għalihom. Sitwazzjoni inġusta ma’ dawn il-ħaddiema. Dan għax dawn m’għandhom l-ebda intenzjoni jaħdmu fil-black market, imma hi s-sistema li imbuttathom hemm.

Nemmnu ukoll li hi sitwazzjoni inġusta li f’pajjiżna kellna każi ta’ ħaddiema barranin li s-sid li kien iħaddimhom għal xi raġuni li jaf hu għażel li ma jġeddilhomx. Dawn il-ħaddiema li jispiċċaw ma jkollhomx il-permess imġedded għandhom biss għxar ijiem ċans biex isibu impjieg. Wara dawn l-għaxart ijiem, jekk ma jsibux xogħol dawn jitqiesu bħala irregolari.

Nemmnu li għaxart ijiem hu perjodu qasir ħafna u dan għandu jittawwal aktar. L-istess ħaddiema qegħdin isibu ukoll li qed ikun hemm sidien tal-postijiet tax-xogħol li min għal ħaġa u min għal oħra ma japplikawx fil-ħin biex iġeddu l-permess tax-xogħol. F’dan il-każ qed jiġri li imbagħad l-istess ħaddiema jirċievu ittra ta’ revoka. Dan imbagħad ikun ifisser li dak il-ħaddiem li jkun baqa’ jaħdem, ikun spiċċa fil-qasam tax-xogħol b’mod irregolari.

Dawn il-ħaddiema għandhom kollox kontrihom. Minkejja li għandhom dritt ta’ appell minn mindu jkunu ngħataw l-ittra ta’ revoka, iż-żmien li fih irid isir l-appell hu ta’ tlett ijiem biss. Żmien qasir ħafna għal dawn il-ħaddiema li ħafna minnhom m’għandhom l-ebda ħjiel ta’ kif taħdem is-sistema.

Agħar minn hekk, la darba tagħmel l-appell mid-deċiżjoni dak l-istess ħaddiem ma jistax jaħdem qabel jinqata’ l-appell. Din hi sitwazzjoni li lil dawn il-ħaddiema qiegħda titfagħhom fil-black market. Għaliex qed ngħidu dan? Qed ngħidu dan għax l-appelli jieħdu xhur u kif jistgħu dawn il-ħaddiema jagħmlu xhur ma jaħdmux. Dawn huma ħaddiema li flus ma jkollhomx wisq għax il-parti l-kbira tal-flus li jaqilgħu jibagħtuha lura f’pajjiżhom lill-familjari. Kif se jgħixu dawn jekk ma jaħdmux? Kif se jmantnu lilhom infushom? Ovvjament dawn jispiċċaw jaħdmu xorta b’mod irregolari.

Nemmnu li dawn il-ħaddiema għandhom bżonn sistema li ma tisfurzahomx fil-black market. Hemm bżonn sistema aktar umana ma’ dawn il-ħaddiema. Dawn huma ħaddiema li kienu qed jagħtu servizz b’mod regolari f’pajjiżna. Mhux ġusta għax sid ta post tax-xogħol jonqos milli jagħmel il-proċeduri fil-ħin, ikun il-ħaddiem li jbati għax isir ħaddiem irregolari.

Nemmnu li hemm bżonn li malajr kemm jista’ jkun jitwaqqaf bord ta evalwazzjoni. Bord li jara għaliex dawn il-ħaddiema spiċċaw f’sitwazzjoni irregolari. Nemmnu li fil-mument mhux nippuntaw is-swaba kollha lejn dawn il-ħaddiema irridu, imma naraw għaliex spiċċaw ‘irregolari’. B’hekk jiġi stabbilit min naqas jew agħar min abbuża mis-sistema. Mhux gust li għax sid ta’ post tax-xogħol jabbuża jew jonqos fit-tiġdid tal-permess, ikun il-ħaddiem li jbati l-konsegwenzi.

Ekonomija

Sport