Friday, May 3, 2024

Inġabu biex jaħdmu minn pajjiż imbiegħed … kif ġew sabu li ma kellhomx xogħol

Erba’ xhur f’pajjiżna jistennew xogħol….min isib impjieg ieħor ikollu jħallas xhur paga lil min ġabu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ilni Malta erba’ xhur. Bla xogħol. Għamilt kollox b’mod normali. Għandi il-permessi neċessarji f’idejja imma x’ħin wasalt il-kumpanija li kienet qaltli li għandi xogħol hawn infurmatni li bħalissa m’għandhiex xogħol għalija” jgħidilna Rahul (isem fittizju biex nipproteġu l-identità tiegħu). Miegħu, Kumar (ukoll isem fittizju biex nipproteġu l-identità tiegħu) jgħid li ġie ftit wara sieħbu, imma anke hu jinsab fl-istess sitwazzjoni. Jistenna li jingħata xogħol. “Jgħidulna li qegħdin jippruvaw. Kemm se ndumu nistennew? Tlabnihom infittxu xogħol aħna, iżda ġejna mheddin li jekk inmorru naħdmu ma’ xi ħadd ieħor, ikollna nħallsu l-paga taż-żmien li ma onorajniex il-kuntratt.” Ma tistax tistaqsihom kif qegħdin jgħixu bla xogħol u bla flus. “Jgħinuna sħabna ħaddiema oħra. Kif għednielhom bil-problema, mill-ewwel bdew jgħinuna. Isajrulna u jtuna ikel u xorb. Qegħdin f’sitwazzjoni li ma nistgħux niċċaqilqu. Naħdmu ma nistgħux. Bla flus. Nistennew li min ġabna itina x-xogħol”.

Għal dawn l-aħħar ġimgħat, IT-TORĊA investigat is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema barranin minn pajjiżi terzi li ħallsu flejjes sostanzjali biex ġew hawn u sabu li huma bla xogħol. Ħaddiema li litteralment spiċċaw għarkobbtejhom quddiem is-sidien li ġabuhom f’pajjiżna, konxji li lanqas jistgħu jitkellmu, għax jekk jagħmlu dan jispiċċaw ikollhom jitilqu mill-pajjiż għax min ġabhom ma ipprovdilhomx xogħol.

“Nafu b’diversi ħaddiema li inġabu hawn u m’għandhomx xogħol”

Kumar jiddikjara ma’ IT-TORĊA li “nafu b’diversi ħaddiema li għaddejjin minn din is-sitwazzjoni. Xhur jistennew ix-xogħol. Ġejna hawn b’moħħna mistrieħ li għandna xogħol żgur għal sena. Kif ġejna sibna sitwazzjoni totalment differenti. Jien l-unika persuna fil-familja li kont naħdem. Ommi u missieri jiddependu mid-dħul tiegħi kif tiddependi marti u uliedi. Ġejt hawn biex naħdem u sibt ruħi f’appartament nistenna li jgħiduli li għandi xogħol. Ilni kważi erba’ xhur. Jgħiduli li qegħdin jippruvaw isibuli impjieg.

Dan iżda għadu ma wasalx. Ma ġejniex hawn biex nispiċċaw qisna tallaba. Kellna bilfors nitkellmu ma’ ħaddiema oħra bħalna u ngħidulhom f’hiex qegħdin. Nieklu rridu bħal ħaddieħor. Nirringrazzjaw lil grupp ta’ ħaddiema oħra fl-istess post fejn qegħdin ngħixu li qegħdin isarjulna u jġibulna ikel u xogħol. Ma nixtiequx nibqgħu f’din is-sitwazzjoni. Il-parir li ingħatajna imma kien li jekk inmorru nilmentaw dwar is-sitwazzjoni tagħna, l-ewwel ħaġa li ssir hi li lilna jibagħtuna lura minħabba li m’għandniex xogħol. Din iebsa ħafna għalina wara s-sagrifiċċji kbar li għamilna”.

Min ġabni qalli li tilef it-tender sakemm jien wasalt … qiegħed hawn bla xogħol

Isthaan jgħidilna li “jien kont offrut xogħol. Kellu jkun fil-qasam tat-tindif. Hekk kienu qaluli. Għaddew ix-xhur sakemm ġejt hawn.” Nistaqsuh kemm għaddew xhur biex inħarġu id-dokumenti neċessarji u ġie hawn u jgħidilna li “eżattament ma nafx.

Nikkalkula li għaddew xi seba’ u tminn xhur. Ġejt hawn u mbagħad ġejt infurmat mill-kumpanija li t-tender li permezz tiegħu jien kelli x-xogħol ma kienx baqa’ f’idejn din il-kumpanija. Spiċċajt nistenna li jtuni xogħol. Qalu li ma ndumx nistenna sakemm isibuli. Sa issa għadni nistenna. Diġa għaddew diversi ġimgħat”.

X’qed jiġri?…sidien iġibu ħaddiema aktar minn kemm hemm bżonn

IT-TORĊA tkellmet ma’ rappreżentant ta’ aġenzija midħla tas-settur, li spjega x’inhi s-sitwazzjoni. “Nista’ nikkonferma li hawn ammont ta’ ħaddiema li inġabu f’pajjiżna u li jinsabu bla xogħol. Ġew bi ħsieb li għandhom impjieg imma sabu realtà oħra.

Tort ta’ min hu dan? Tal-ħaddiema? Dawn il-ħaddiema m’għandhomx tort. Spiċċaw maqbudin f’sistema ta’ abbuż sfrenat. Sistema li qiegħda ġġibhom għarkobbtejkhom quddiem is-sidien li jkunu ġabuhom. Dawn ma jistgħux jitkellmu għax jafu li jintbagħtu lura.

Ma jistgħux lanqas jaħdmu għax qegħdin b’kuntratt definit u jekk jaħdmu ma’ ħaddieħor jintalbu jħallsu l-paga għat-tul ta’ żmien li ma jkunux ħadmu ma’ min ġabhom. Għandna ħaddiema li spiċċaw ma jistgħux jiċċaqilqu. Bla flus. Dawn ma jibqgħux ġewwa. Imorru jaħdmu f’xogħlijiet li ma jidhrux. Jitħallsu €20 u €25 ta’ ġurnata xogħol. Hu ammont redikolu, imma għalihom li f’pajjiżhom paga ta’ xahar hi €125, dak il-flus iqisuhom bħala ħlas tajjeb”.

Jispjegalna li “dak li qed jiġri hu li għandek aġenziji li japplikaw biex iġibu permess għal ammont ta’ ħaddiema. Ikollhom bżonn għaxar ħaddiema. Dawn iżda mill-esperjenza qegħdin jaraw li jkun hemm ammont ta’ ħaddiema li ma jinħarġulhomx permessi. Jaraw ukoll li l-permessi biex il-ħaddiema jiġu hawn qegħdin idumu xhur. Li qegħdin jagħmlu dawn l-aġenziji hu li flok iġibu l-għaxar ħaddiema li għandhom bżonn iġibu għoxrin jew tletin ħaddiem biex ikollhom fuq ir-riħ.

Dawn jiġu hawn u jiġu infurmati li impjieg m’hawnx. Jippruvaw imbagħad isibulhom impjieg ma’ xi kumpanija oħra. Dawn qegħdin jinġabu Malta meta jafu li m’hawnx xogħol għalihom. Dan hu abbuż.”

Jintilef it-tender sakemm jiġu hawn…u jispiċċa bla impjieg

IT-TORĊA hi infurmata ukoll li qiegħed ikun hawn sitwazzjonijiet fejn kumpanija titlob lil aġenzija ġġibilha xi ħaddiema minn barra fuq xogħol partikolari. Kien hawn każi fejn sakemm waslu dawn il-ħaddiema, it-tender għax-xogħol li kienu se jaħdmu fih ikun bidel il-kumpanija u għalhekk jaslu l-ħaddiema u xogħol għalihom ma jkunx hawn. “Jien ġibt ħaddiem għal tender.

Tliftu u meta għedt lill-kumpanija li kienet rebħitu bil-ħaddiema li ġibt għal dan it-tender, dawn qaluli li huma għandhom ħaddiema biżżejjed”, qalilna sid ta’ kumpanija. Tenna li “rajna kif għamilna u sibnielhom impjieg ieħor ma’ kumpaniji kbar oħra, għalkemm il-proċess mhux daqstant faċli u jieħu l-ħin”.

Hawn ħaddiema li qed iħallsu bolla u taxxa u mhux jaħdmu…oħrajn ma jitħallsux mill-ewwel

IT-TORĊA hi infurmata li “qiegħed ikun hemm aġenziji li wara li jġibu ħaddiema li ma jkollhomx xogħol f’pajjiżna, huma jibdew jagħmlu kuntatti ma’ aġenziji akbar bił-għan li jinstab xogħol għal dawn il-ħaddiema. Ħafna drabi dawn jispiċċaw jingħataw xogħol b’sub contracting għal kumpaniji oħra.

Jirriżulta ukol li hawn ħaddiema li jinsabu bla xogħol f’pajjiżna u qegħdin jibqgħu iħallsu il-bolla u t-taxxa u dan biex ma jiġu rimpatrijati.

Ħaddiema Nepaliżi b’xogħol imma ilhom xhur ma jitħallsu….qegħdin jgħinuhom ħaddiema Filippini

IT-TORĊA hi infurmata ukoll bi grupp żgħir ta’ ħaddiema minn pajjiż terz li għalkemm għandhom xogħol, dawn ilhom għal diversi xhur ma jitħallsu mill-kuntrattur.

Minħabba li jinsabu bla flus dawn il-ħaddiema qegħdin jiġu mgħejjunin minn ħaddiema oħra Filippina. Dan billi jtuhom ikel u anke jgħinuhom fil-ħlas tal-kera tas-sodda.

Is-settur hemm bżonn ikun regolarizzat….jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed naslu – Kevin Abela

IT-TORĊA tkellmet ukoll ma’ Kevin Abela, Segretarju tat-Taqsima Ikel u Ospitalità tal-General Workers Union (GWU) dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema.

Iddikjara li “nisimgħu b’każijiet simili fejn ħaddiem jinġabu hawn iżda ma jkollhomx impjieg. Enfasizza li “l-akbar kwistjoni li hawn hi li l-permess tax-xogħol hu marbut mar-residenza.

Din is-sitwazzjoni qiegħda ġġib lil dawn il-ħaddiema għarkubbtejhom quddiem min ikun ġabhom f’pajjiżna. Hawn ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li l-pagi tagħhom huma baxxi. Anki huma stess iħossu li mhux jaqilgħu biżżejjed u jistgħu jaqilgħu iżjed.

Biss peress li dawn ikunu impjegati b’kuntratt definit, dawn ma jistgħux jitilqu minn dak ix-xogħol u jsibu ieħor. Għax jekk jagħmlu hemm is-sid li kienu jaħdmu miegħu jitlobhom iħallsu l-paga tal-bqija taż-żmien li mhux se jkunu qegħdin jaħdmu miegħu kif stipulat fil-kuntratt. Hemm min intalab iħallas eluf ta’ Ewro.

Hemm is-sitwazzjoni ukoll fejn jekk inti tispiċċa bla xogħol għandek biss għaxart ijiem biex issib impjieg u jekk jaqbżu l-għaxar t’ijiem inti titqies bħala li qiegħed hawn illegalment. M’hemm ebda dubju li għaxart ijiem hu perjodu qasir ħafna.”

Kevin Abela iddikjara li “s-settur għandu bżonn jiġi regolarizzat. Kemm minħabba l-ħaddiema li qed inġibu minn barra u kemm minħabba l-pajjiż. Jekk għandna bżonn għaxar ħaddiema mhux aċċettabbli li nġibu ħdax jew aktar. Lanqas hu aċċettabbli l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema jiġu mittiefsa u huma jispiċċaw abbużati.”

Nistaqsuh quddiem l-abbuż li hawn jekk jemminx verament li s-settur jista’ jitranġa. Saħaq li “jekk l-atturi kollha fis-settur jiġbdu ħabel wieħed, nemmen li għandna naslu u nsibu bilanċ kemm għal dawn il-ħaddiema u anke għall-poplu inġenerali.”

Sport