Saturday, December 21, 2024

Ħaddiema tal-Enemalta jispjegaw lill-Prim Ministru l-ħidma li għaddejja

Aqra wkoll

Dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli żaru ċ-Ċentru t’Amministrazzjoni tal-Enemalta fil-Marsa u aktar tard marru fuq lant tax-xogħol f’Ħal Tarxien, fejn qed isiru xogħlijiet bla heda biex tiġi assigurata l-provvista tal-elettriku f’inħawi fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru seta’ jsegwi l-ħidma bla waqfien li għaddejja biex il-provvista tingħata kemm jista’ jkun malajr u reġa’ ta ħajr lill-ħaddiema għas-servizz tagħhom lejl u nhar f’mument li mewġa ta’ sħana laqtet lill-gżejjer Maltin u lill-Ewropa.

It-tekniċi u l-inġiniera tal-Enemalta spjegaw il-ħidma li qed issir u l-pjan tal-Enemalta b’rabta max-xogħlijiet ta’ tiswija li qed isiru. Hawn ġie spjegat kif il-mewġa ta’ sħana, li hija realtà fl-Ewropa kollha, wasslet biex l-Enemalta rat domanda rekord ta’ 628MW. B’reazzjoni l-Prim Ministru Abela u l-Ministru Dalli talbu lill-kumpanija biex tkompli timmobilizza l-isforzi u r-riżorsi kollha tagħha biex twieġeb kemm jista’ jkun malajr għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar ukoll li l-Gvern diġà ilu jiem li impenja ruħu li jingħata kumpens lil dawk milquta fl-aħħar jiem. Dan fl-istess ħin li tenna l-politika tal-Gvern li jkompli jappoġġja u jinvesti fil-programm qawwi ta’ investiment li beda fid-distribuzzjoni fl-aħħar sentejn u li se jkompli b’iktar saħħa fi żmien li ġej.

Fiż-żjarat kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, iċ-Chairman tal-Enemalta l-Inġ. Ryan Fava u l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona.

Ekonomija

Sport