Friday, November 29, 2024

Ħajjithom inbidlet hekk kif daħlu fid-dinja tal-immudellar

Talk.mt f’intervista mar-rebbieħa ta’ Mr u Miss World Malta 2023

Aqra wkoll

Matul il-ġimgħa li għaddiet saret edizzjoni oħra ta’ Mr u Miss World Malta 2023 fil-Forti Sant’ Iermu fejn ħadu sehem diversi kontestanti kemm irġiel kif ukoll nisa b’wieħed u waħda minnhom biss li kellhom joħorġu rebbieħa. 

Wara diversi fażijiet ta’ dan il-konkors, Martine Cutajar ta’ 24 sena u Slaven Micallef ta’ 26 sena, ġew iddikjarati r-rebbieħa tat-titli prestiġjużi Miss u Mr World Malta. Eventwalment huma ngħataw id-dritt li jirrapreżentaw lil Malta fl-akbar konkorsi tas-sbuħija Miss u Mr World fejn il-finali jkunu segwiti minn aktar minn 2.5 biljun telespettatur minn madwar id-Dinja.

Amber Debono u Giorgio Dolce spiċċaw fit-tieni post filwaqt li fit-tielet post ġew Graziella Debono u Sven Pavia. Sadanittant, Martine Cutajar kien qed tieħu x-xettru ta’ Natalia Galea li rebħet dan it-titlu s-sena l-oħra. Hi għandha personalita’ ferm sabiħa filwaqt li hi gradwata fil-Masters tal-Gestalt Psychotherapy.

Fost aktar tfajliet kontestanti li ħadu sehem kien hemm ukoll Amber Debono, Amber Sant Pisani, Brenda Mifsud, Briana Cassar, Britney Bonello, Charlotte Attard, Emily Pace Delicata, Graziella Debono, Jasmine Bartolo, Justine Curmi, Kathleen Sare, Kaya Abela, Kelsey Abela, Kim Grima, Kylee Debono, Lopez Gineth, Maria Falzon, Martine Cutajar, Mirea Mallia, Naomi Zammit Parnis, Steffany Mangion, Venice Cassar u Zaelle Lautier.

It-tema li ntgħażlet din is-sena kienet Beauty with a purpose, li kienet iddedikata ghal The Malta Trust foundation fejn il-kontestanti kienu l-protagonisti sabiex jigu organizzati diversi attivitajiet fejn inġabret somma flus u t-titlu mar għand Graziella Debono.

F’din it-23 edizzjoni li ttella’ fil-Fort Sant Iermu u li xxandret dirett fuq ONE, il-preżentaturi kienu Keith Demicoli u Sarah Bajada.

Sadanittant, Miss World 2023 li waslet fil-71 edizzjoni tagħha se ssir fl-Indja fid-9 ta’ Diċembru fejn il-Pollakka Karolina Bielawska se tinkuruna r-rebbieħa l-ġdida u tagħti x-xettru li rebħet is-sena l-oħra. 

Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Slaven Micallef u Martine Cutajar li dehru ferm kuntenti b’dawk li rnexxielhom jiksbu.

L-ewwelnett saqsejna lil Cutajar dwar is-sensazzjoni li ħasset kif ingħad isimha u min kienu dawk il-persuni li tawha ħafna sapport.

“Bla dubju li kelli sapport kbir mill-familja tiegħu, mill-għarus tiegħi, minn sħabi li ma waqfux jibagħtuli kif ukoll l-isponsors li tant għenu finanzjarjament sabiex din il-parteċipazzjoni tiegħi setgħet isseħħ. Mingħajr dawn il-persuni ma stajtx nasal fejn wasalt.”

Min-naħa tiegħu Slaven Micallef kien għadu ma bediex jemmen li proprju hu kellu jirbaħ dan il-konkors.

“Jien u nkellmek proprju mumenti kif spiċċa dan il-konkors, għadni bit-tferfir f’qalbi għax lanqas nista’ nemmen. Ħdimt ħafna iżda ma bsartx li proprju jien kelli nirbaħ Miss World Malta.

Iżda Slaven u Martine kif bdew ikabbru l-imħabba lejn l-immudellar?
“Kienet proprju Sue Rossi li avviċinatna u qaltilna sabiex nippruvaw id-dinja tal-immudellar.”

“Jien personali bħala raġel bdejt ftit ftit nimraħ f’din id-dinja tant sabiħa. Jien nilgħab il-futbol ukoll bħala gowlkiper u dejjem sħaqt li nkun fiżikament tajjeb.”

“Min-naħa tiegħi, Sue Rossi tatni ħafna kuraġġ sabiex nipparteċipa mhux biss bħala konkors iżda wkoll biex nieħu pjaċir meta nitla’ fuq il-palk. U issa ftit tas-snin wara, ninsabu hawnhekk.”

Kemm Slaven kif ukoll Martine qalu li l-immudellar għenhom ħafna fil-ħajja ta’ kuljum u tahom ċertu sens ta’ dixxiplina. Huma ammettew li l-ħajja tagħhom inbidlet kif daħlu fl-immudellar u issa jħossuhom aktar kunfidenti fihom infushom. Fl-istess waqt, din l-arti għenithom ukoll sabiex jiltaqgħu ma’ nies oħra u b’hekk żiedu aktar l-għarfien tagħhom fuq lat soċjali.

Martine qalet li importanti li bħala mudell jew mudella tkun sabiħ jew sabiħa mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa.

“Inqis il-personalità bħala parti importanti mill-karattru ta’ bniedem. Wieħed jew waħda tista’ tkun fiżikament attraenti, iżda jekk ma jkollokx karattru sabiħ, il-mudella partikolari tbati.”

“Waħda mill-provi li għandna waqt il-kompetizzjoni hi proprju s-sezzjoni tal-mistoqsijiet fejn kull mudell jew mudella jrid jirrispondi dwar sitwazzjonijiet partikolari.”

Il-messaġġ ta’ Slaven u Martine hu wieħed ċar u tond.
“Taqtgħu qalbkom qatt għalkemm taf tkun l-ewwel darba li pparteċipajt. Kollox jibda pass pass għalkemm nemmnu ħafna li aktar ma taħdem, aktar se jkollok suċċess.”

Sport