Sunday, April 28, 2024

META X-XEMX TITLA’ GĦAL KULĦADD

Tikteb l-Opinjonista Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Protesti, qtugħ ta’ dawl u stħarriġiet politiċi. Dak kien li kkaratterizza l-ġimgħa li għaddiet.

Il-mewt ta’ Jean Paul Sofia bir-raġun nisslet uġigħ ta’ qalb u kien jistħoqqilha tant importanza b’tant passjoni.

Iżda elettoralment, protesta hija wkoll sintomu ta’ ftim mill-gvern. Sintomu ta’ xi ħaġa iktar profonda. Ta’ karbiet li ilhom jintisġu u li laħqu l-qofol tagħhom proprju ma’ Jean Paul Sofia. Kien hemm is-sentiment ta’ ‘issa daqshekk’. Imma meta l-folla tgħid ‘issa daqshekk’, ikun ilha tissaporti.

Għalhekk ir-riżulati taż-żewġ stħarriġiet elettorali ma kinux daqstant sorprendenti. Bħal dejjem, dawn tal-aħħar urew li l-PN mhux xi wġigħ tar-ras għall-PL. Iżda juru wkoll illi elezzjoni oħra, l-ikbar sfida tista’ tiġi minn dawk li ma jivvutawx. L-apatetiċi.

Huwa ironiku li wara protesti ma jaqtgħux dwar is-saltna tad-dritt issa qed isiru oħrajn biex il-PM jindaħal lill-proċess legali. Iżda dik hija s-sitwazzjoni f’dal-każ.

Jidher ukoll li huma proprju persuni tradizzjonalment laburisti li l-iktar qed iħossuhom skomdi. Jista’ jkun li l-PL qed jaqa’ xi ftit fin-nassa li jserraħ moħħu mill-appoġġ elettorali. Iżda ma jridx jinsa illi l-votant Malti dejjem kien individwalist. Qajla jiżżik ħajr meta x-xemx titla’ għal kulħadd: kemm għall-ħbieb kif ukoll għall-għedewwa.

Il-Malti ma jqisx illi l-infrastruttura, il-benefiċċji soċjali u s-saħħa saru biss għalih. Dan kien l-akbar żball li għamel il-PL kull meta kien fil-gvern u li jidher li qed jerġa’ jsir. Partit politiku fil-gvern huwa bħal omm: it-tfal tagħha jkunu jixtiequ ħarsa ta’ mħabba iktar minn ħaddieħor mingħandha, jew żegħila żejda. Ftit trattament preferenzjali. Imma ħafna laburisti tradizzjonali (‘suldati tal-azzar’) iħossu li t-trattament preferenzjali qed jieħdu ħaddieħor.

Dan għax l-omm fin-natura nfaħħruha għax tħobb lil uliedha u mhux għax tħobb lil ulied ħaddieħor. F’partit politiku hemm l-obbligu morali li l-partit jgħin l-ewwel lil dawk li ġġieldu għall-partit fi żminijiet inqas feliċi.

Tkellimt ma’ ħafna attivisti b’qalbhom maqsuma. Eks attivisti li għamlu xhur bla xogħol, nies li insistew għal appuntamenti li ma rnexxew qatt, jew nies li flok ma spiċċaw jitkellmu mal-politiku spiċċaw jirrakkuntaw l-istorja tagħhom lir-rappreżentant tiegħu. Nies oħra qalgħu transfers jew tkeċċew minn pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

U fl-aħħar mill-aħħar jiġini f’moħħi ħsieb ieħor li forsi mhuwiex daqshekk immedjatament ovvju. L-effett Daphne u r-ritratt ma’ Melvin.

Il-poplu tagħna huwa mdorri jieħu r-ritratti mal-politiċi, jiltaqa’ magħhom u jkellimhom. Mill-ogħla uffiċċju f’Kastilja sal-inqas kandidat. Iżda jista’ jkun illi mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u mill-pubblikazzjoni tar-ritratt ta’ Joseph Muscat ma’ Melvin Theuma, il-Prim Ministru u l-politiċi Maltin qegħdin jibżgħu jiltaqgħu mal-pubbliku. Dan minnu nnifsu jista’, imbagħad, jirrendi lil Kastilja u lill-Ministeri fortizzi żgħar fejn min hu barra barra, min hu ġewwa ġewwa.

Għalkemm il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qajjem għagħa kbira fil-pajjiż u lil hinn minnu, ġie segwit minn protesti aggressivi u riżenja ta’ PM, s’issa ma jidher li ħalla ebda effett fuq il-gvern laburista tant li reġa’ tela’ fil-gvern b’maġġoranza massiċċa.

Iżda jista’ jkun li għadu kmieni wisq biex niġġudikaw l-istorja. Jista’ jkun li tali qtil fisser it-tmiem tal-intimità bejn il-politiċi Maltin u l-poplu. It-twessigħ tad-distanza bejniethom. Min-naħa waħda l-politiku jibża’ joqrob lejn l-elettorat u mill-oħra l-elettorat jaqta’ qalbu jipprova jiltaqa’ mal-politiċi.

Imbagħad hemm in-nassa li l-PM, Ministru jew politiku laburist jagħżel ma’ min se jiltaqa’. Imma mbagħad ikollna nistaqsu: fuq liema kriterji se jagħżel ma’ min jiltaqa’? Jiltaqa’ ma’ min hu l-iktar ta’ valur għall-pajjiż? Ma’ min l-iktar li jġib flus lejn il-pajjiż u ċioè man-negozjant?

Ma jagħmilx daqstant sens li l-partit laburista jagħżel lil min ikellem skont dawn il-kriterji. Speċjalment meta f’qalbu suppost għandu liż-żgħir u mhux lill-miljunarju.
L-ammont ta’ nies li jivvutaw Malta huma l-għira ta’ kull stat ieħor Ewropew. Iżda bil-wisq nibża’ li bħalma ġara f’pajjiżi oħra, il-persentaġġ ta’ persuni li ma jafdawx lill-gvern u li jarawh biss oġġettivament, mingħajr ebda passjoni, jispiċċaw ma jivvutawx. B’hekk ikollna sitwazzjoni fejn il-gvern u l-oppożizzjoni jispiċċaw bl-istess persentaġġi baxxi bir-riskju li l-gvern xorta jitlef xi siġġijiet. Ir-riperkussjonijiet tal-qtil ta’ Daphne jistgħu jieħdu fit-tul. Politiċi ma jafdawx lin-nies u nies ma jafdawx lill-politiċi. Nies u politiċi minflok ħbieb, għedewwa.

Sta għall-PL li jiltaqa’ mal-inqas partitarju mhux biss fil-pubbliku imma anke privatament. Vera li r-ritratt tal-Prim Ministru ma’ persuna relatata ma’ każ ta’ qtil seta’ jinsinwa ħafna. Iżda huwa wkoll minnu illi f’pajjiżi fejn il-politiċi ma jafux lil nieshom, il-maġġoranza tintrebaħ u tintilef b’persentaġġi inqas minn ħamsin fil-mija. Dan għaliex politiku ’l bogħod min-nies jista’ jikseb biss dan.

Dwar PMi, laqgħat u ritratti se jkun iż-żmien li jagħtina parir.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Sport